Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliema tal-Kummissjoni Ewropea Vanessa Mock qalet li wara sentejn ta’ ħidma, l-Unjoni tinsab fi stadju importanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.
Dan bil-lista tal-pajjiżi li l-Ewropa se tqis li huma ‘tax havens’. Mock qalet li l-Kummissjoni tilqa’ kull tip ta’ rapport jew xogħlijiet oħra li jistgħu jsaħħu l-ħidma fuq it-tassazzjoni ġusta. Qalet li dawn ir-rapporti jikkumplimentaw it-talbiet li l-Kummissjoni għamlet lill-pajjiżi membri fl-Unjoni biex huma wkoll jgħaddu lista oġġettiva u li tkun kredibbli ta’ pajjiżi li huma jqisu bħala ‘tax havens’.
Sostniet li l-Unjoni Ewropea twettqet proċess ta’ skrutinaġġ estensiv u daħlet f’diskussjonijiet diretti ma’ pajjiżi biex tistħarreġ is-sistema finanzjarja u tat-tassazzjoni tagħhom.
Il-Kelliema spjegat li dan kien proċess estensiv ta’ ġbir tad-data u li l-kriterji li ressqu l-OXFAM imur lil hinn mill-istandards rikonoxxuti b’mod internazzjonali. Għalhekk ma jagħtix lanqas rendikont tal-impenn muri mill-pajjiżi waqt il-proċess li wettqet l-Unjoni fl-eżerċizzju tagħha.
Il-Kelliema tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea huma totalment konformi mal-kriterji li ntużaw biex saret il-lista tal-pajjiżi meqjusa bħala ‘tax haven’. Dawn il-kriterji kienu dwar it-trasparenza tat-taxxi, tassazzjoni ġusta u r-regoli tal-OECD. Spjegat li matul dawn l-aħħar snin, l-Unjoni ħadmet biex il-ġbir tat-taxxi jkun aktar ġust u trasparenti permezz tal-leġiżlazzjoni, għajnuna statali u investigazzjonijiet.
Qalet li l-Unjoni Ewropea għolliet il-livell dwar it-trasparenza tat-taxxa, b’liġijiet ġodda li jorbtu lill-pajjiżi membri li huma ogħla mill-istandards internazzjonali, b’direttivi kontra l-evażjoni u l-ħasil tal-flus (AMLD). Żvelat li l-Kummissjoni għandha f’moħħha li tintroduċi aktar liġijiet ġodda.
Intant illum il-Ministri tal-Finanzi Ewropej għandhom jiddeċċiedu dwar il-lista s-sewda tral-UE. Il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda żvelat kif Malta mhux se tkun fuq il-lista u li l-istess Kummissjoni Ewropea temmen li kull pajjiż tal-UE hija konformi.