Esklussiva: Malta mhux se tkun fuq il-lista s-sewda tal-Unjoni Ewropea

  • Il-Kummissjoni Ewropea tiżvela mal-ILLUM illi mhux se ssegwi l-proposti tal-Oxfam għal pajjiżi fl-UE
  • Il-lista s-sewda tal-UE għal nhar it-Tlieta li ġej, Il-KE tgħid li kull pajjiż fl-UE hu 'konformi'
  • Ħarsa fid-dettall lejn il-proposti tal-Oxfam għal Malta 

Malta għandha tkun fil-Lista s-sewda Ewropea, skont Oxfam
Malta għandha tkun fil-Lista s-sewda Ewropea, skont Oxfam

Nhar it-Tlieta li ġej il-Ministri tal-Finanzi Ewropej mistennijin jinjoraw proposta tal-Oxford Committee for Famine Relief (OXFAM) biex Malta tkun fuq il-lista s-sewda tal-Unjoni Ewropea bħala ‘tax haven’. Fil-fatt, minkejja l-proposta tal-Oxfam li tkun tfisser riperkussjonijiet pjuttost serji fuq is-settur finanzjarju f’pajjiżna, jidher illi la Malta u lanqas it-tliet pajjiżi oħrajn indentifikati biex ikunu fuq il-lista s-sewda mhuma fil-fatt se jissemmew.

Minflok, nhar it-Tlieta l-Ministri tal-Finanzi tal-UE se jkunu qed jipproduċu ‘lista sewda’ li tiffoka biss fuq ġurisdizzjonijiet ta’ taxxa li mhumiex Ewropej.

Żvela dan mal-ILLUM kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, li sostna illi ‘dak li hu ċar minn issa hu li Stati Membri tal-UE mhux se jkunu inklużi fil-lista.’

Oxfam inkludiet lil Malta ‘mal-agħar erba ‘tax havens’ Ewropej’ din is-sena, minflok Ċipru. Il-grupp li xogħlu huwa li jindirizza il-kawżi strutturali tal-faqar u l-inġustizzji, ħares lejn erba fatturi prinċipali biex wasal għall-konklużjoni li Malta tkun fuq il-lista s-sewda. Dawn huma, skambju ta’ informazzjoni u trasparenza, tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ livelli minimi.

Ir-rapport jgħid li Malta tfalli it-tieni kriterju u allura, skont Oxfam, pajjiżna għandu rati preferenzjali ta’ taxxa ‘dannużi’ u jiffaċilità strutturi u/jew arranġamenti li jattiraw profitti li ma jirriflettux l-attività ekonomika reali fil-pajjiż.

Oxfam: ‘Illimita l-aċċess għal fondi Ewropej’

L-Oxfam qed tipproponi li l-pajjiżi fuq il-lista s-sewda proposta minnha, nkluż Malta, għandhom jieħdu dawn il-miżuri; Jintaxxaw il-profitti tal-kumpaniji li qegħdin artifiċjalment jipparkjaw il-profitt tagħhom f’tax havens’, li għandha tkun stabbilita rata minima ta’ taxxa għal din it-tip ta’ attività u li l-UE jkollha regolamenti komuni dwar it-tassazzjoni.

Imma l-miżuri li qed tipproponi l-Oxfam, mhumiex biss diretti lejn il-pajjiżi tal-UE, imma wkoll lejn il-kumpaniji nfushom. Fil-fatt din l-organizzazzjoni qed tipproponi li kull kumpanija multi-nazzjonali trid tagħmel rapport għal kull operat, f’kull pajjiż li fih tiżvela il-qliegħ, il-profitti u l-ħaddiema.

Tipproponi wkoll li l-UE għandha saħansitra tillimita l-aċċess ta’ fondi Ewropej jew tillimita l-kuntratti ta’ investiment għal dawk it-tip ta’ kumpaniji li qed joperaw f’Malta L-Oxfam fir-rapport tagħha

Qed tipproponi wkoll li l-UE għandha saħansitra tillimita l-aċċess ta’ fondi Ewropej jew tillimita l-kuntratti ta’ investiment għal dawk it-tip ta’ kumpaniji li qed joperaw f’Malta, li r-rapport qed jagħmel referenza għalihom.

L-Oxfam qed tisħaq illi kull pajjiż għandu jibqa’ fil-lista s-sewda sakemm “jabolixxu il-miżuri ta’ taxxi dannużi u jieqfu jiffaċilitaw strutturi offshore.’

Ir-rapport, li l-eżitu tiegħu dwar Malta kien irrappurtat mis-siti kollha Maltin, jisħaq li ‘tax haven’  huma vejjikoli tal-inugwaljanza għax jippermettu lis-sinjuri ma jħallsux taxxi filwaqt li joħolqu estremitajiet, bil-ġid għand il-ftit. “Filwaqt li pajjiżi tax havens qed jisirqu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, qed jagħmlu ftit biex jibbenefikaw lin-nies tal-lokal. Il-Panama papers poġġew lir-Repubblika tal-Panama taħt il-lenti, imma ħafna mill-popolazzjoni m’għandhiex x’taqsam ma’ skemi ta’ evażjoni tat-taxxa. Filfatt 32% tal-Panamjani kienu għadhom qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar sal-2015.”

Ir-rapport jisħaq li l-Oxfam temmen li l-UE għandha tieħu azzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni fit-taxxa u li pajjiżi fl-UE m’għandhomx jibqgħu barra mill-lista.

Fost il-pajjiżi barra mill-UE li Oxfam trid illi jkunu fil-lista s-sewda Ewropea hemm l-Albanija, l-Bahamas, Bahrain, British Virgin islands, l-Oman, s-Serbja, Jersey, Singapore, Taiwan, Hong Kong, Bosinia u Herzegovina u l-Virgin islands.

Il-Panama, sorprendentement, mhix fil-lista.

 ‘Kull Stat Membru huwa ‘konformi mal-kriterji Ewropej’

Il-gazzetta ILLUM bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissjoni Ewropea. Staqsiet jekk hux se tkun qed tadotta l-proposta tal-UE li pajjiżi bħal Malta jkunu miżjudin fuq lista sewda.

L-ILLUM staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea wkoll jekk hux qed tippjana li a) Tadotta il-miżura ta’ rata komuni u minima ta’ taxxa madwar l-UE kollha u b) Tadotta miżuri illi permezz tagħhom tillimita fondi Ewropej lil dawk il-kumpaniji li jkunu qed ‘jipparkjaw’ profitti f’pajjiż illi fih ma jkunux qed joperaw.

Il-Kummissjoni, filwaqt li fakkret illi l-proċess ta’ għażla ta’ pajjiżi għal din il-lista mhix kompitu tagħha, qalet illi l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma ‘konformi mal-kritterji Ewropej f’dak li jirrigwarda taxxi.

Mal-ILLUM kelliem għall-Kummissjoni kompla jisħaq illi kull meta ‘instabu dgħjufijiet fis-suq komuni, ma ddejjaqniex nirrispondu. Aħna żidna l-istandards b’mod sostanzjali f’dak li jirrigwarda trasparenza fit-taxxa, b’leġiżlazzjoni li tmur lilhinn mill-istandards Ewropej. Dan apparti li għandna regoli ġodda kontra l-evażjoni tat-taxxa.”

Finalment, fuq dan il-punt, il-kelliem tal-Kummissjoni Ewropea fakkar lil din il-gazzetta illi matul is-snin, “sar ammont kbir ħafna ta’ xogħol fi ħdan l-UE biex it-tassazzjoni tkun aktar ġusta u trasparenti b’liġijiet differenti.”

Filwaqt li l-Kummissjoni qalet illi l-ebda stat membru mhu se jkun fil-lista s-sewda tal-UE, sostniet ma’ din il-gazzetta li ‘l-Kummissjoni tistenna li l-lista finali għandha tkun waħda li tagħmel sens, kredibbli u sostnuta b’kontro-miżuri effettivi.”

Se jkunu l-Ministri tal-Finanzi li jiddeċiedu dwar il-Lista s-Sewda tal-UE
Se jkunu l-Ministri tal-Finanzi li jiddeċiedu dwar il-Lista s-Sewda tal-UE

More in Politika