Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rċieva ċ-ċwievet tal-uffiċċju tal-Kap fid-Dar Ċentrali mingħand il-predeċessur tiegħu Simon Busuttil.
Mal-ġurnalisti, Simon Busuttil awgura lil Delia u spjegali li ċ-ċwievet li għaddielu jġorru responsabbilitá kbira. Huwa spjega kif il-Partit Nazzjonalista għandu storja glorjuża twila 140 sena u kif kien għalih privileġġ li jmexxi l-partit.
Min-naħa tiegħu Adrian Delia rringrazzja lil Busuttil u ddeskrivieh bħala kollega u ħabib.
Il-pass li jmiss issa huwa li Adrian Delia jieħu postu fil-Parlament, żmien li matulu Simon Busuttil se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.