Co-option: Il-mazz f’idejn Marlene Farrugia

  • Delia se jkollu jinnegozja mal-PD biex jidħol fil-Parlament
  • Frederick Azzopardi l-favorit biex 'iċedi' s-siġġu
  • Maria Deguara tista’ tkun l-‘aħħar’ tama għal proċess mgħaġġel

Hekk kif Adrian  Delia kien elett bħala Kap, l-ewwel biċċa xogħol li se jkollu jagħmel huwa li jikkonvinċi lil Marlene Farrugia biex kandidat jew kandidati tal-Partit Demokratiku ma joħorġux għall-elezzjoni każwali. Dan biex hu jkun jista’ jieħu postu fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni, permezz ta’ co-option li xorta tkun trid l-approvazzjoni finali tal-Eżekuttiv tal-PN.

Il-PD kellu mill-inqas kandidat f’kull distrett, u anke fis-seba’ u fl-10 Distrett minn fejn kienu eletti Godfrey u Marlene Farrugia rispettivament, hemm kandidati oħrajn tal-PD li f’każ ta’ riżenja mill-Parlament jista’ jkollhom l-interess li jikkontestaw elezzjoni każwali.

Mistoqsijin minn din il-gazzetta kif se jduru ma’ din l-isfida jekk Delia ikun rebaħ, persuni qrib tiegħu qalu li t-tim ta’ Delia tkellmu mal-Partit Demokratiku u li hemm “mekkaniżmu lest u li se jiskatta,” biex dan isib postu fil-Parlament.

Ikkuntattjata minn l-ILLUM, Farrugia ċaħdet li qatt saru xi laqgħat magħha jew mal-PD. “Gidba mill-bidu sal-aħħar,” sostniet, “ħadd ma talabna niddiskutu.”

Minkejja dan, mistoqsija minn din il-gazzetta, Farrugia m’eskludietx li jekk jirbaħ Delia u fl-eventwalità ta’ co-option, ikunu esplorati “x-xenarji kollha.”

Intant, sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta, inkluż mill-Eżekuttiv tal-PN stess, indikawlna ż-żewġ deputati li jista’ jkun jirriżenjaw minn posthom biex jagħmlu spazju għal Delia. Il-favorit huwa d-Deputat Għawdxi Frederick Azzopardi, li fl-aħħar elezzjoni ngħata s-siġġu bl-aġġustament kostituzzjonali ta’ żewġ siġġijiet favur il-PN.

Fuq it-13-il distrett minn fejn kien elett Azzopardi, f’isem il-PD kien hemm il-kandidat Charles Polidano.

 Anke jekk jikkonvinċi lill-kandidati Nazzjonalisti biex ma jikkontestawx elezzjoni każwali fit-13-il distrett, se jkollu bilfors jikkonvinċi lill-Partit Demokratiku biex jagħmel l-istess. Jekk il-PD jiddeċiedi li xorta jrid jikkontesta u ssir elezzjoni, Delia jkollu jistenna l-eżitu tal-elezzjoni każwali, bit-tama li jirbaħha deputat Nazzjonalista, li mbagħad ikun hu li jċedi postu għal Delia.

Fuq dan id-distrett il-kandidati Nazzjonalisti li jafu jitfgħu isimhom f’każ ta’ elezzjoni każwali huma: Joe Ellis, Ryan Mercieca, Kevin Cutajar, Ċensu Galea, Maria Portelli u Jason Zammit.   

Mal-ILLUM, minkejja li ċaħdet li saru diskussjonijiet, Farrugia  sostniet li “jekk iqum il-każ, nesploraw kull xenarju ma’ min hu ferm aktar kompetenti minni fuq il-ligijiet u l-proċessi elettorali. Nhar il-Ħadd (illum) naraw għandniex bżonn nieħdu pariri jew le.”

Frederick Azzopardi ħareġ għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 minkejja li l-għajta kienet li ma kienx. Fil-fatt din il-gazzetta kienet irrapurtat li mhux se jkun qed jikkontesta, deċiżjoni li nbidlet fl-aħħar xhur hekk kif beda jidher li l-PN ma kellux biżżejjed kandidati.

nesploraw kull xenarju ma’ min hu ferm aktar kompetenti minni fuq il-ligijiet u l-proċessi elettorali. Nhar il-Ħadd (illum) naraw għandniex bżonn nieħdu pariri jew le Marlene Farrugia

Jekk Deguara ma tbiddilx fehmtha, Delia se jkollu jmur għand Marlene

L-ILLUM hija infurmata li t-tieni persuna li ġiet avviċinata kienet id-Deputata Maria Deguara. Jekk Delia jirnexxielu jikkonvinċiha biex tirreżenja mill-Parlament, ma jkun hemm għalfejn issir elezzjoni każwali, għax Delia jiġi propost mill-Eżekuttiv, u allura ma jkollux għalfejn jinnegozja ma’ Farrugia.

Minkejja dan, pubblikament s’issa, Deguara dejjem qalet li mhux se ċċedi s-siġġu Parlamentari tagħha. Mal-gazzetta Maltatoday wieġbet ‘le’ meta mistoqsija jekk hux lesta ċċedi postha u ma’ Daphne Caruana Galizia qalet hekk, għall-istess mistoqsija; “Le, niddubita, ma naħsibx. Jien kont eletta mill-kostitwenti tiegħi u qiegħda hawn biex nirrapreżenta l-kostitwenti tiegħi.”

L-uniku deputati li jistgħu jagħmlu l-wisgħa għal Delia fil-Parlament huma l-erba’ deputati Nazzjonalisti li telgħu bl-elezzjoni każwali, id-deputat tal-PD Godfrey Farrugia u ż-żewġ deputati li telgħu permezz tal-aġġustament kostituzzjonali. L-erba’ deputati li telgħu bl-elezzjoni każwali huma Maria Deguara u Ivan Bartolo, Karol Aquilina u David Stellini li eskludew li jċedu s-siġġu tagħhom. It-tieni persuna li ngħatat is-siġġu bl-aġġustament kostituzzjonali, minbarra Frederick Azzopardi huwa d-Deputat Carm Mifsud Bonnici. Ma jirriżultax lil din il-gazzetta li s’issa kien avviċinat biex iċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu.

F’każ li l-pjan li jirreżenjaw Azzopardi jew Deguara jfalli, Delia xorta jkollu bżonn idur fuq il-PD biex jinnegozja d-dħul tiegħu fil-Parlament. Dan ifisser li anke jekk, kif ġie irrapurtat f’xi mezzi tax-xandir, ikun Jean Pierre Debono li jkun lest li jirreżenja, xorta trid issir elezzjoni każwali u xorta Delia jkollu jinnegozja ma’ Marlene.

L-aħħar ostaklu...

Anke wara li r-riżenja tkun issiġġillata u jsir qbil mal-PD f’każ ta’ bżonn, jekk Delia dalgħodu jqum Kap tal-PN xorta jkollu l-aħħar ostaklu, dak tal-Eżekuttiv.

Minkejja li jkun hemm riżenja, huwa l-Eżekuttiv tal-PN li jrid jifformalizza l-co-option ta’ Delia.

Minkejja l-appoġġ li għandu hawnhekk, Delia għandu wkoll ħafna ‘għedewwa’, fosthom u fuq quddiem Karol Aquilina u Ann Fenech.

Dan l-ostaklu iżda jibqa’ tali sakemm ma jkunx hemm tibdiliet fl-Eżekuttiv qabel ma ssir il-co-option.

Delia jrid isib postu fil-Parlament sal-ewwel ġranet ta’ Ottubru. 

More in Politika