'ara fiex ġibt lil pajjiżna' - David Casa lil Prim Ministru Malti

'L-MPE's Nazzjonalisti, illum ikkonfermaw li ma tgħallmu xejn anke meta rekord ta' nies irrifjutaw dan id-diskors' - Prim Ministru

Matul din il-ġimgħa fi Strasburgu fil-plenarja ġew diskussi il-Panama papers. Suġġett li tant ħoloq għagħa f’pajjiżna fl-aħħar kampanja tal-elezzjoni Ġenerali iżda li donnu li fil-Parlament Ewropew mhux daqstant suġġett popolari.

Għal din is-seduta plenarja kien hemm preżenti madwar 46 membru parlamentari minn 751 li suppost kienu hemm. Fosthom kien hemm 5 rappreżentanti Maltin, barra Therese Comodini Cachia li għażlet li tibqa’ Malta u żewġ presidenti biss mill-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament Ewropew li kienu Manfred Webber tal-PPE, u Sergio Cappitta tal-S&D. Ikkumentaw b’kollox 35 membru.

Għal din is-seduta miftuħa mill-Ministru Helena Dalli, kien preżenti l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li wara li fetaħ id-dibattitu, bl-elenku ta’ kemm għamel il-gvern tiegħu fejn tidħol trasparenza, bħal fil-każ tal-liġi finanzjarja tal-partiti, il-fatt li jekk politiku jkollu każ ta’ korruzzjoni jista’ jiġi proċessat tul għomru kollu, l-att tal-whistle blower u li l-ġudikatura tiġi magħżula minn nies newtrali mill-politika partiġġjana. Iżda dan waħdu ma kienx biżżejjed għal dawk il-ftit membri preżenti li dehru li marru hemm b’aġenda speċifika biex jattakkaw lil Malta, il-kredibiltà tas-servizzi finanzjarji tagħha u lill-Prim Ministru Joseph Muscat, inklużi wkoll magħhom iż-żewġ membri Parlamentari Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola.

“Dwar l-MPE Nazzjonalisti, illum dawn ikkonfermaw li ma tgħallmu xejn kien rekord assolut tan-nies li rrifjutaw dan id-diskors imma ma smajna xejn ġdid mingħandhom” wieġeb il-Prim Ministru wara s-seduta waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti u b’referenza għar-riżultat tal-elezzjoni.

L-interventi ta’ Casa u Metsola kienu xi ftit differenti minn xulxin u għalkemm t-tnejn  affermaw li għandhom għal qalbhom l-isem ta’ Malta, David Casa kompla jattakka lill-Prim Ministru Malti, għax skontu issa għandu ċans ieħor biex ma jkunx gvern “favur il-korrotti.” Casa spiċċa bil-kliem , “ara fiex ġibt lil pajjiżna.”

Roberta Metsola min-naħa l-oħra semmiet id-diversi inkjesti li qed isiru f’Malta maħtura mill-Gvern. Qalet li hi se tibqa’ tara li l-pajjiż ikun nadif iżda se tibqa’ tiddefendi lil Malta kontra dawk li jsibu kull skuża bħal din tal-Panama ‘biex ikissru s-servizzi finanzjarji f’Malta li huma tant sodi.’

Min-naħa ta’ Miriam Dalli, Alfred Sant u Marlene Mizzi kellhom diskors iebes kontra l-MPE Maltin u l-‘ħbieb tagħhom’ li kienu prezenti li kellhom aġenda partiġġjana, ‘jiġifieri li jagħmlu d-deni lil pajjiżna,’ qalet Marlene Mizzi. Filwaqt li Dalli qalet li l-PN fil-kampanja elettorali għamilha ta’ prosekutur, ġudikant u li kien għalih tefa’ lil kulħadd il-ħabs b’allegazzjonijiet bla bażi, Sant semma l-prosperità u t-tkabbir tal-ekonomija ta’ Malta taħt il-gvern ta’ Joseph Muscat.

More in Politika