Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, ġew miċħudin l-akkużi li saru lbieraħ, li xi impjegat jew uffiċjal tal-partit jitħallsu mingħand xi individwu jew kumpanija, kif ġie allegat dwar is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake. "Is-Segretarju Ġenerali titħallas is-salarju tagħha mill-Partit Nazzjonalista."
Il-Partit Nazzjonalista sostna li matul is-sena li għaddiet irċieva €1,170,186 f’donazzjonijiet. Minn din is-somma ta’ donazzjonijiet matul l-2016, total ta’ €3,500 waslu mingħand is-sur Silvio Debono. Is-somma ġiet dikjarata diġà mal-Kummissjoni Elettorali
"Minbarra dan," isostni l-PN, "matul is-sena li għaddiet, żewġ kumpaniji li fihom hemm involut is-sur Debono, kellhom relazzjoni kummerċjali mal-kumpanija Media.link Communications li għaliha tħallset is-somma komplessiva ta’ €70,800. Mhux veru li s-sur Brian St John, Chief Corporate and Business Strategy, jitħallas mingħand dawn iż-żewġ kumpaniji. Huwa jitħallas is-salarju tiegħu mill-kumpanija Media.link Communications."
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet li saru dwar il-pagi ta’ Rosette Thake u Brian St John.