Jennifer Shen May, accountant li ilha taħdem Malta għal iktar minn għoxrin sena, inħatret mill-Ministeru għall-Ekonomija bħala r-rappreżentanta tal-Malta Enterprise fiċ-Ċina u suċċessur ta' Sai Mizzi Liang.
May intagħżlet biex tkopri din il-kariga minħabba l-familjarità tagħha man-negozju Malti, kif ukoll għax titkellem sew bl-Ingliż, Ċiniż u Mandarin. Ir-responsabbiltà prinċipali tagħha se tkun li tattira investiment potenzjali Ċiniż lejn pajjiżna.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Malta Enterprise rringrazzjat lil Sai Mizzi Liang għax-xogħol li għamlet għal pajjiżna fl-aħħar snin.
Minn rapport li kien ħareġ fuq l-ILLUM fil-ħarġa tal-ġimgħa li għaddiet, kien ġie żvelat li l-persuna li se tieħu post Sai Mizzi bħala mibgħuta speċjali ta’ Malta fiċ-Ċina, li issa ġie mħabbar li hija Jennifer Shen May, se jkollha pakkett ta’ dħul, benefiċċji u perkaċċi li huma qrib ħafna tal-€160,000 li kellha Sai Mizzi. Dan kien stqarru l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, meta kkuntattjat minn l-ILLUM u mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ Mizzi u l-iżvilupp biex xi ħadd jingħata l-istess kariga.