Is-suċċessur ta' Sai Mizzi bl-istess paga

Il-persuna li se tieħu post Sai Mizzi se jkollha pagi u perkaċċi simili għall-pakkett ta’ €160,000 ta' mart il-Ministru Mizzi

Il-mibgħuta speċjali għaċ-Ċina, Sai Mizzi għandha tieqaf mill-kariga tagħha ma' tmiem dan ix-xahar
Il-mibgħuta speċjali għaċ-Ċina, Sai Mizzi għandha tieqaf mill-kariga tagħha ma' tmiem dan ix-xahar

Il-persuna li se tkun qed tieħu post Sai Mizzi bħala mibgħut speċjali ta’ Malta  fiċ-Ċina se jkollha pakkett ta’ dħul, benefiċċji u perkaċċi li huma qrib ħafna il-€160,000 li qed tieħu Mizzi bħalissa. Dan stqarru l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, meta kkuntattjat minn l-ILLUM u mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ Mizzi u l-iżvilupp biex xi ħadd jingħata l-istess kariga.

Meta misqtosi għalfejn il-pakkett u l-perkaċċi jitilgħu daqstant, Galea fakkar lill-ILLUM li ‘Shanghai hija fost l-iktar bliet għaljin fid-dinja’ u għalhekk il-perkaċċi jikkwantifikaw għal ħafna iktar minn postijiet oħrajn.

Il-kuntratt ta’ Sai Mizzi, suġġett ta’ ħafna kontroversja, jinkludi salarju ta’ €73,000 fis-sena liema ammont ma jinkludix il-perkaċċi relatati mal-kariga.

Intant, mistoqsi dwar jekk iħossx li l-ħlas, meqjus bħala eżorbitanti minn bosta, jiġġustifikax ix-xogħol li għamlet Mizzi, Galea sostna li l-ME hija kuntenta bil-ħidma u x-xogħol li għamlet Sai Mizzi bħala Mibgħuta Speċjali għaċ-Ċina u tqis li l-prestazzjoni tagħha f’din il-kariga kienet tajba.

Galea saħaq li l-ġudizzju fuq Sai Mizzi, ma jistax isir biss skont l-ammont ta’ proġetti li saru. “Il-proġetti huma importanti imma daqstant ieħor, fix-xogħol tal-promozzjoni tal-investiment, huwa importanti li tibni l-kuntatti. Dan mhux xi xogħol bħal avukat li jkollok il-warrant u lest, taf li kwalifikat,” sostna Galea għall-mistoqsija tal-ILLUM, dwar għalfejn il-Malta Enterprise u l-Gvern qed jgħidu li ma jistgħux isibu xi ħadd biex jeħdilha postha.

“Mhux faċli li ssib uffiċjali li jaħdmu fil-promozzjoni tal-investiment, la għaċ-Ċina u la għal kwalunkwe pajjiż ieħor. Teħtieġ ċerti abbilitajiet u kuntatti, teħtieġ tkun persuna ta’ perseveranza u esperjenza,” saħaq Galea mal-ILLUM. 

Lura fis-26 ta’ Frar 2016, sena ilu, il-Ministru Konrad Mizzi kien ħabbar li l-kuntratt ta’ Mizzi mhux se jkun imġedded wara li jiskadi f’Awwissu, biex imbagħad f’Settembru, il-gazzetta Maltatoday kienet irrapportat li Sai Mizzi se terġa’ tmur lura għan-negozju privat tagħha. Minkejja dan, aktar kmieni dan ix-xahar jew sitt xhur wara li skada l-istess kuntratt il-Gvern ħabbar li se jerġa’ jestendi l-kuntratt, ‘sakemm tinstab persuna oħra.’ Din l-estenzjoni kellha tibqa' valida sa mhux iktar minn sitt xhur, li wara dawn jinħatar mibgħut speċjali ieħor.

X’ħadet Sai Mizzi?                                                                                                                                                              

  • Paga ta’ €13,000 fix-xahar
  • Salarju €73,000 kull sena, nofsu mhux taxxabbli                                
  • €3,261 allowance ta’ rappreżentanza                                                            
  • €3,000 fis-sena f’children’s allowance
  • Residenza fejn tgħix: imħallsa kollha
  • Karozza uffiċjali: imħallsa bil-fjuwil b’kollox
  • Ħlas għall-edukazzjoni tat-tfal: €18,783
  • 90% ta’ ħlas lura għal spejjeż mediċi, dentali u kura oftalmika
  • 15-il biljet b’xejn bejn Shanghai u Malta...10 minnhom ‘business class’
  • Allowance biex tixtri l-ħwejjeġ
  • Dan jammonta għal TOTAL ta’ €160,000

 

 X’tat lura Sai Mizzi?

  • Ħadmet fuq pjan ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina
  • Ftehim biex Malta tintuża minn Huawei għat-teknoloġija 5G
  • Ftehim biex Malta tintuża minn Huawei għat-teknoloġija 5G
  • Ftehim għal 10,000 turist miċ-Ċina sal-2018 u 50,000 sal-2020
  • Ftehim li għad irid iseħħ ma’ service providers Ażjatiċi
  • Laqgħat f’Jiangsu għall-promozzjoni tal-investiment f’Malta
  • Twaqqif ta’ konsulat fiċ-Ċina
  • Diversi laqgħat madwar il-pajjiż u organizzazzjoni ta’ attivitajiet

More in Politika