Pass 'il quddiem konkret

...pass 'il quddiem konkret li jipprova l-ħila tal-Prim Ministru Joseph Muscat li taħt il-Presidenza tiegħu, ittieħdu deċiżjoni importanti waqt li nżammet l-unità fost il-mexxejja

Is-Summit biex il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li seħħ nhar il-Ġimgħa, kien wieħed li ta lill-Ewropa pass 'il quddiem konkret fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Fl-istess waqt, l-Unjoni Ewropea baqgħet magħquda ponn wieħed u d-deċiżjoni kienet waħda li saret b'kunsens u bi qbil.

Nemmen li dan il-pass 'il quddiem konkret jipprova l-ħila tal-Prim Ministru Joseph Muscat li taħt il-Presidenza tiegħu, ittieħdu deċiżjoni importanti waqt li nżammet l-unità fost il-mexxejja.

S'intendi r-realtà fil-Libja hi dik li hi. Li jfisser li rridu naħdmu iktar, mhux inqas, b'iktar impenn u rieda li nagħmlu d-differenza.

 

Trump

Immur fejn immur fl-Ewropa u niltaqa' ma' min niltaqa', il-kliem jaqa' dejjem fuq Donald Trump.

Ħafna fl-Ewropa qed iqisu li Trump ma jipprovdix is-serħan il-moħħ li kien jipprovdi Obama jew li setgħet provdiet Clinton.

Anke d-deċiżjonijiet li qed jieħu: dak tal-ħajt fil-konfini tal-Messiku u li ma jaċċettax nies ġejjin minn għadd ta' pajjiżi Musulmani, huma deċiżjonijiet li l-mexxejja Ewropej jemmnu li jistunaw mal-valuri ewlenin tagħna.

Kif naraha jiena, indipendentement minn x'naħseb dwar dawn id-deċiżjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar Trump qed iwettaq dak li qal li se jagħmel. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet Trump kien wiegħed li jagħmilhom u min ivvotalu probabbilment ivvotalu għax ried li dawn isiru.

Il-ħajt fil-konfini tal-Messiku u li ma jaċċettax nies ġejjin minn għadd ta' pajjiżi Musulmani, huma deċiżjonijiet li l-mexxejja Ewropej jemmnu li jistunaw imma min ivvota għal Trump, probabbilment ivvotalu għax ried li dawn isiru

Għalhekk Trump qed iwettaq dak li wiegħed.

Jinteressani iktar li naraw x'se jkun l-effett ta' dawn id-deċiżjonijiet.

U hawnhekk nemmen li jidħlu fin-nofs żewġ fatturi importanti.

 

Id-drittijiet

L-ewwel fattur huwa dak tad-drittijiet u r-rule of law.

Kull Gvern demokratiku fid-dinja, inkluż l-Istati Uniti, irid jaħdem fil-kuntest ta' liġi li hi iktar superjuri għalih u li għandha fiċ-ċentru d-drittijiet tal-bniedem u ċerti prinċipji li huma s-sisien tad-demokraziji.

Bħalma meta tkun qed issuq, jeżisti l-handbrake li tista' ttella meta wieħed jitlef il-kontroll, hekk ukoll il-Qrati huma handbrake fuq l-eċċessi ta' kull Gvern.

Id-deċiżjonijiet ta' Trump u l-wegħdi li għamel se jkunu test importanti għal din is-sistema interessanti ta' checks and balances li hija r-riżultat ta' snin twal ta' żviluppi u esperjenzi ta' stat.

 

Il-populiżmu

Argument li forsi jissemma iktar hu dak tal-popoliżmu, ċoè l-fenomenu ta' politiċi li jwiegħdu li jagħmlu affarijiet li l-esperjenza u l-fehma studjata juru li mhumiex tajbin iżda li huma popolari.

Ħa nagħmilha ċara mill-ewwel: jien m'għandi rispett ta' xejn lejn politiċi popolisti li semplicement jgħidu dak li n-nies iridu jisimgħu. Is-Salvini u l-Grilli ta' din id-dinja nemmen li huma irresponsabbli.

M'għandi rispett ta' xejn lejn politiċi populisti li semplicement jgħidu dak li n-nies iridu jisimgħu. Is-Salvini u l-Grilli ta' din id-dinja nemmen li huma irresponsabbli

Nammira politiċi li jmexxu u li jgħidu l-affarijiet kif inhuma. Il-Prim Ministru Malti hu eżempju ċar: taf fejn qiegħed miegħu, jgħid dak li hu l-aħjar għall-poplu u jieħu d-deċiżjonijiet.

Il-punt però hu li l-politiċi popolisti jirkbu fuq is-sentiment l-iktar bażilari tal-man in the street.  M'iniex qed ngħid li Trump hu politiku popolista per eċċellenza, iżda qiegħed ngħaddi żewġ ħsibijiet dwar deċiżjonijiet popolisti li għadu kemm ħa.

L-ewwel ħsieb: x'jiġri jekk deċiżjoni popolista in the long run toħloq iktar diffikultajiet milli ġid jew jiġi dikjarat li hi illegali? Kif se jirreaġixxu n-nies li għażlu ċerti politiċi abbażi tad-dwejjaq li kellhom bl-istatus quo?

Hemm żewġ possibbilitajiet: jew li wieħed jibda jistaqsi l-prinċipji bażiċi ta' dak li tagħmel l-Istati Uniti l-pajjiż li hu u jiddubita anke dawk. Inkella wieħed jirrealizza li t-triq inqas popolari imma iktar tajba kienet aħjar.

Fl-aħħar mill-aħħar Trump qed iwettaq dak li qal li se jagħmel

Jien m'għandix dubju li se jseħħ it-tieni xenarju.

It-tieni ħsieb: sakemm jiġi realizzat it-tieni xenarju li għadni kemm semmejt, x'se jħossu sezzjonijiet sħaħ ta' popli oħra li probabbilment iridu li jseħħ f'pajjiżhom dak li ddeċieda Trump fl-Istati Uniti?

Nista' nitkellem fuq l-Ewropa. Pajjiżi bħall-Italja, l-Olanda u Franza qed jgħixu realtà ta' mexxejja politiċi fi ħdanhom bħalissa fl-Oppożizzjoni li qed jitkellmu bil-lingwaġġ popolista.

Din hi ħaġa delikata ħafna. Kif għidt m'għandix dubju li in the long term, dak li nafu li hu sewwa se jirbaħ.

Kruċjali però li fl-intermezz naġixxu bil-mod kif nemmnu aħna li hu l-aħjar. Imma rridu naġixxu, naħdmu u nuru li nistgħu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.

Għalhekk il-Malta Summit u l-abbiltà tal-Prim Ministru Muscat kienet kruċjali din il-ġimgħa.

 

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

More in Politika