'Jekk ma jkunx dan il-moviment li jagħti d-drittijiet lil kulħadd, min tridu jkun?'

'Minn pajjiż li ma kellux drittijiet bażiċi għall-pajjiż li jħarsu lejh għall-bidliet li twettqu'

Minn pajjiż li konna nbiddlu 20 jew 10 snin wara pajjiżi Ewropej oħra, minn pajjiż li ma kellux drittijiet bażiċi bħad-divorzju, għall-pajjiż li qed iħarsu lejh għall-bidliet li twettqu u li qed jitwettqu.

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Luqa, il-Ħadd filgħodu.

Il-Prim Ministru qal li madwarna qed naraw pajjiżi, Gvernijiet li qed isofru daqqiet għax sempliċiment qed jinqataw man-nies, jew inkella għax qed jippruvaw jimbottaw aġenda ta’ bidla li ma rnexxilhomx jikkomunikawha bizzejjed man-nies. Għaldaqstant, issokta jgħid il-Mexxej Laburista,  il-bidla li qed nagħmlu f’pajjiżna rridu nkomplu nitkellmu fuqha u nuruha.

Wara r-referendum dwar id-divorzju, il-poplu Malti u Għawdxi kien iddeċieda li jaqta’ t-tradizzjoni li l-bidliet f’pajjiżna jidħlu fis-seħħ ferm wara pajjiżi oħra. Bdiet bidla fil-mekkaniżmu, bidla fil-mentalità, li sal-llum mhux qed nindunaw forsi kemm kienet b’saħħitha, sostna Joseph Muscat. Il-bidla mhux marbuta mal-età, ma jfissirx li ż-żgħażagħ iridu l-bidla u l-anzjani le. Skatta xi ħaġa, li rrispettivament kemm għandek żmien, hawn ir-realizazzjoni li rridu li Malta tkun aqwa minn ħaddieħor. Biex din il-bidla fil-mentalità setgħet tiskatta, kien hemm il-ħtieġa ta’ klassi politika li titkellem, qal Dr Muscat filwaqt li semma kif meta wieħed jara s-sempliċità tal-bidliet li riedu jitwettqu fl-Italja u ma daħlux fis-seħħ, allura tinduna kemm hija kbira l-bidla fil-mentalità tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista fakkar kif meta huwa kien qed jikkampanja biex jilħaq Mexxej tal-Partit, kien hemm bosta li kienu nbeżża’ għax kien tkellem fuq il-ħtieġa li jidħol id-dritt tad-divorżju. Ħafna tkellmu u qalu li se jkollok ħafna nies kontrik u li se jintilfu l-voti, iżda l-unika ħaġa li l-bidla kien jonqosha kienet li nuru li dan il-Partit kien lest li jbidddel u b’mod sussegwenti nkunu lesti li nbiddlu l-pajjiż. Kien hemm bżonn biss sinjal tat-tmexxija, minn dak iż-żmien ‘l hawn araw kemm imxejna, stqarr il-Prim Ministru.

Imxejna minn sitwazzjoni li filli kienu jġibu artikli fuqna bħala pajjiż, bit-tbissima, kważi jidħqu bina, u jgħidu li Malta fl-aħħar daħlet id-divorzju. Biex illum il-mezzi tax-xandir b’mod kontinwu, partikolarment bid-dħul tal-Unjoni Ċivili li aħna rridu naħdmu biex intejbuh u nagħmluh aktar b’saħħtu, dritt tal-Unjoni Ċivili li jagħti d-dritt li wieħed japplika għal adozzjoni, il-media barranija u l-istituzzjonijiet issa bdew jistaqsu; f’Malta x’qed jiġri?. Aħna ċċaqlaqlna minn fuq il-ħajt tal-asstensjoniżmu u dħalna biex nieħdu d-deċiżjonijiet. Għamilna dak li fil-kuxjenza tagħna ħassejna li kellu jsir. Jekk ma jkunx dan il-moviment li jagħti lil kulħadd l-istess drittijiet, min jista’ jkun?. L-istorja tal-Partit Laburista bdiet minn grupp ta’ nies li qalu li ma jistax ikun li min m’għandux flus ma jkollux vot, illum dik iż-żerriegħa ta’ qabilna użajniha biex għedna aħna min aħna biex niġġudikaw kif jgħix ħaddieħor?, stqarr Dr Muscat.

Jien naf li wħud minnkom, bis-sens ġenwin kollu tgħidu, żewġ irġiel għandhom irabbu t-tfal?. Il-bidla qatt ma hi faċli. Iżda jekk xi darba jien kelli dubbju dwar din, li ma kelliex, jien neħħejtu, meta ltqajt ma’ żewġ irġiel, li jħobbu lil xulxin u li ħadu l-Unjoni Ċivili,  li ġew bit-tarbija tagħhom u ltaqgħu miegħi u qaluli li din it-tarbija ngħatat bis-saħħa tiegħek. Din it-tarbija Maltija tagħhom ġiet offruta lil 50 koppja, li ma riduhiex, jien mhux se niġġudika lil dawn il-50 koppja hekk imsejħa ‘normali’, komposti minn mara u raġel, li qalu le, iżda kienet din il-koppja li qalet iva, li ma ħarsitx lejn il-fatt li din it-tarbija għandha diżabiltà, qal Joseph Muscat.

Din it-tarbija kellha żewġ futuri quddiemha, jew li tagħmel ħajjitha f’istitut jew li tmur ma’ familja li tħobbha u hekk sar. Ilum li nafu li bil-bidla li għamilna tajna għajxien lil wieħed minn uliedna u għalija l-liġi li għamilna hija bizzejjed biex tkun tajba, saħaq il-Mexxej Laburista.

Il-bidla f’pajjiżna saret normalità

Il-Prim Ministru semma kif il-ġurnali barranin bdew jitkellmu dwar il-liġi tat-transgender bħala xi ħaġa kbira kif filfatt hi, iżda f’Malta l-bidla saret normalità u din rajtha fil-Parlament. Il-liġi daħlet mingħajr kontroversja ta’ xejn. Mhux se noqgħod nidħol għaliex  ħaddieħor m’għamilx kontroversja, jekk hux vera għax jemmen jew sempliċiment għal konvenzjna, iżda din għaddiet mingħajr kontroversja ta’ xejn. Filwaqt li l-gazzetti Maltin tkellmu fuq affarijiet oħra, The Guardian, in-New York Times u oħrajn tkellmu kif Malta  għamlitha llegali li xi ħadd jipprova jaqleb is-sesswalità ta’ xi ħadd.

Il-Mexxej Laburista qal li l-bidla se tkompli tevolvi. Se nidħlu fi stadju ġdid. Il-poplu jista’ jigwida l-bidla waħdu, mingħajr il-politiċi. Is-sitwazzjoni qegħdha tinbidel, il-poplu mhux se jkollu bżonn aktar il-politiċi, se jibda jimbotta l-bidliet hu. Jekk il-politiċi mhux se joqgħodu attenti se jispiċċaw irrelevanti. Dan jagħmili kuraġġ. Aħna konna l-ewwel nies fil-pajjiż li fhimna li l-kunċett ta’ Partit m’għadux bħal ma kien. Issa rridu nifhmu li l-politika trid tiddependi fuq l-iniżjattivi taċ-ċittadini. Il-politiċi jrid jkunu dawn li jagħtu l-pjattaforma sabiex in-nies imexxu dawn il-bidliet, tenna Jospeh Muscat.

Fl-aħħarnett Dr Muscat qal li llum seta’ ġie jitkellem dwar kif it-tkabbir ekonomiku huwa akbar miz-zona Ewro. Seta’ ġie jitkellem fuq l-investiment ta’ €6miljuni tan-Nylon Knitting. Dawn l-affarijiet tafhom mhux għax ngħidulkom għax tħossu fil-but. Illum il-poplu għandu rasu mistrieħa bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-fuel. Dawn l-affarijiet iħossuh il-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji. Dan huwa Gvern li fehem u li qed jifhem il-bidliet il-kbar li qed jitwettqu f’pajjiżna, il-bidliet kbar fis-soċjetà Maltija u Għawdxija, soċjetà parti mill-globalizazzjoni, soċjetà li titkellem fuq l-elezzjoni Amerikana daqskemm titkellem fuq l-elezzjonijiet lokali. Fadal aktar bidliet x’jitwettqu u dan huwa l-Gvern li se jwettaqhom, tenna l-Prim Ministru.

 

 

More in Politika