L-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela, u l-avukat Għawdxi Grazio Mercieca ħadu l-ġurament tal-ħatra llum quddiem il-President Marie Louise Coleiro Preca. Toni Abela nħatar bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri u Grazio Mercieca bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri.
Il-Gvern, li ħabbar dawn iż-żewġ nomini nhar is-Sibt li għadda, meta qal li kienu ġew approvati mill-Kabinett, iddeskriva dawn il-ħatriet bħala pass storiku, hekk kif dawn kienu l-ewwel avukati fl-istorja li se jingħaqdu fil-Ġudikatura wara li għaddew b’suċċess mill-iskrutinju tal-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Fid-diskors tagħha, il-President appellat biex jiġu riveduti u mħarsa ċertu prattiċi li għandhom x'jaqsmu mat-tfal fis-sistema ġudikarja. Coleiro Preca qalet li mhux sew li t-tfal jiġu mġiegħla jagħtu x-xhieda tagħhom iktar minn darba, u f'ċertu każi, fil-preżenza tal-akkużat.