'Oppożizzjoni li tirrapreżenta l-establishment u l-istatus quo'

'Muscat jaqleb il-verità rasha ‘l isfel' - PN

"Dan huwa Gvern ta’ bidla, li qed iġib il-ġdid iżda min-naħa l-oħra hemm Oppożizzjoni li kif tara dawn il-bidliet kollha li qed iġib dan il-Gvern b’mod sistematiku tpoġġi lilha nnifisha fuq in-naħa tal-antik, in-naħa tal-istatus quo. Dan huwa effett ċar ħafna tad-differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni." stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jintervjeni permezz ta’ kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu.

Il-Prim Ministru qal li hemm lezzjonijiet x’nitgħallmu minn pajjiżi oħra, waħda mill-lezzjonijiet iċ-ċari hija lin-nies ikunu qed jistennew li l-politiċi ma jkunux qed jinħakmu minn sistema li tiblagħhom, imma jkunu huma li jbiddlu l-affarijiet minn żmien għal ieħor. Aħna determinati, bħala Gvern li ma nkunux parti minn xi establishment li jħalli l-affarijiet kif inhuma anzi aħna parti minn sistema li trid tbiddel u trid tinbidel, tenna Joseph Muscat.

 L-eħfef ħaġa biex ma jkollokx protesti, biex ma jkollokx kritika huwa li ma tagħmel xejn, tistenna minn żmien għal ieħor u tittama lin-nies ikunu kuntenti fejn ma jkunx hemm bidla. Aħna m’aħniex kuntenti li ma jkunx hemm bidla, aħna rridu l-bidla, mhux dejjem il-bidla tinftiehem, iridu nfehmu aktar u rridu nuru li aħna qrib, kif filfatt aħna, tan-negozjant, tas-self-employed iż-żgħir, tal-pensjonant, tal-ħaddiem, taż-żgħażagħ, tal-istudenti, flimkien mal-minoranzi bħal persuni LGBT, li huwa kruċjali li jaraw u jħossu s-sens ta’ bidla li qed iġib dan il-Gvern fil-pajjiż u din il-bidla qatt m’hija se titneħħa mis-sistema tagħna, saħaq il-Mexxej tal-Partit Laburista. Dr Muscat tenna li bħala Gvern għandna ġo fina ngranat il-fatt li għandna r-rifjut tas-sistemi l-qodma u għalhekk nibqgħu nisfidaw l-istatus quo u nibqgħu nġibu investiment minn pajjiżi fejn qatt ma kien jiġi l-investiment kwazi kwazi għalhekk il-konferma ta’ kemm m’aħniex parti mill-establishment hija l-kritika li tagħmlilna l-Oppożizzjoni li ħafna drabi l-kritika tkun għax mhux is-soltu jsir hekk, il-fatt li tgħidilna li mhux is-soltu jsir hekk huwa konferma li dan huwa Gvern ta’ bidla, Gvern li qed iġib il-ġdid, Gvern li mhux qed jinfatam mill-għeruq tiegħu anzi qed jikkonferma kemm filwaqt li qed jibqa’ ankrat fl-għeruq tiegħu, qed jinfirexx għal setturi dejjem differenti u ġodda tas-soċjetà, qal il-Prim Ministru.

Min-naħa l-oħra, issokta jispjega l-Mexxej Laburista, l-Oppożizzjoni tinqabad f’ħafna kontradizzjonijiet, kontradizzjonijiet li hija fil-verità tirrapreżenta l-establishment u l-istatus quo u l-kritika li ssir għall-bidliet li qed nagħmlu fil-qasam tas-saħħa, irnexxilna nsolvu l-problema tal-out of stock, fejn qegħdin inaqsu l-waiting lists, qed inaqqsu bi kbir il-ħinijiet ta’ stennija għall-emerġenza fejn qed indaħħlu fi sħubija magħna fil-privat biex isolvi dawn il-problemi kollha. Dan huwa sinjal ta’ Gvern li mhux parti mill-antik, mhux parti mill-establishment imma Gvern ta’ bidla u min-naħa l-oħra Oppożizzjoni li kif tara dawn il-bidliet kollha, b’mod sistematiku tpoġġi lilha nnifisha fuq in-naħa tal-antik, in-naħa tal-istatus quo u din hija effett ċar ħafna tad-differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni saħaq Joseph Muscat.

Sadattant il-Partiot Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex iwieġeb għal dak li qal l-Prim Ministru billi qalu, "Tant kemm Muscat hu maqtugh mir-realtà tal-familji u n-negozji Maltin u Ghawdxin, li dalghodu spicca qaleb il-verità rasha ‘l isfel. L-uniku establishment li jezisti f’pajjizna hu maghmul minn nies li jinsabu fil-poter, jigifieri Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan hu l-establishment tal-Gvern korrott ta’ pajjizna."

 

More in Politika