Diskors ewlieni tal-MPE Marlene Mizzi dwar l-importanza tal-istandards

L-MPE Mizzi hija r-rapporteur tal-IMCO fuq ir-rapport Standards Ewropej Għas-Seklu 21.


L-MPE Marlene Mizzi kienet il-kelliema ewlenija f’konferenza ta’ livell għoli fi Brussell organizzata mill-Istandards tan-Negozji ż-Żgħar. Il-konferenza ffokat fuq il-ħtieġa tal-SMEs u l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw biex jipproċessaw u jistabbilixxu l-istandards. Kelliema oħrajn kienu jinkludu lir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-SMEs, tradeunions Ewropej, organizzazzjonijiet tan-negozju u l-Kummissjoni.
 

“L-istandards jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u l-konsumaturi tagħna. In-nies jużaw l-istandards ta’ kuljum, fl-aspetti kollha ta’ ħajjithom – fil-qasam tas-saħħa, l-ikel, it-trasport, il-kostruzzjoni, l-għamara, l-enerġija – mingħajr ma jkunu jafu jew bla ma jirrealizzaw. Pereżempju l-apparat elettroniku li nużaw ta’ kuljum, biex nitkellmu u nikkomunikaw ma’ xulxin, ma kinux ikunu possibbli mingħajr standards komuni biex joperaw fuq in-netwerk.

“L-istandards għandhom rwol importanti fin-negozji Ewropej ukoll. Dawn inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-prestazzjoni tan-negozji ż-żgħar, iżidu l-bejgħ, u jinkoraġġixxu teknoloġiji ġodda billi jgħinu bil-kbir fil-kompetittività u l-innovazzjoni fl-Ewropa.


“L-istandards jiftħu s-swieq u jiżviluppaw l-iskala tal-ekonomiji, u jassiguraw li l-kumpaniji, speċjalment SMEs u intrapriżi mikro, jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell fuq swieq globali.Huma jipprovdu pedament sod li fuqu l-kumpaniji jkunu jistgħu jiżviluppaw teknoloġiji ġodda u jtejbu l-prattiċi li diġà jeżistu.”

Il-MPE Mizzi qalet li “ta’ spiss il-kumpaniji ż-żgħar ma jkollhomx l-għarfien espert biex jinfluwenzaw u jikkontribwixxu fil-proċess sħiħ jew biex ikollhom stampa ċara ta’ x’qed jiġri, min qed jaħdem fuq xiex, u kif jistgħu jibbenefikaw mill-istandards fuq xogħolhom.”

 

Marlene Mizzi għamlet sejħa biex ikun hemm titjib fit-trasparenza tas-sistema kollha u għall-involviment tal-SMEs sa mill-bidu tal-proċess. “Irridu nkunu nafu n-natura tal-istandards u l-perimetri tagħhom. Irridu nkunu nafu kif se jkun żviluppat il-proċess biex jiġu stabbiliti l-istandards, u aktar importanti minn hekk, minn min qed isiru. L-istandards jaffettwaw liċ-ċittadini kollha tagħna u għaldaqstant din l-informazzjoni u t-trasparenza huma ta’ importanza kbira.”

 

Irridu nkunu nafu, għaliex huwa meħtieġ standard partikolari, kif se jtejjeb u kif se jibbenefikaw minnu l-SMEs, il-konsumaturi u ċ-ċittadini, u x’se jkun l-impatt ambjentali tiegħu.”
 

 

More in Politika