'Muscat meta jkun taħt pressjoni, jara x’se jivvinta biex jiprova jdawwar id-diskors' - PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jgħid li wasal it-tanker tal-gass u miegħu waslet id-devjazzjoni minn Kastilja 

Il-Malta Today dalgħodu ħarġet storja li ġrat qabel l-elezzjoni f'Jannar 2013 fejn kien hemm investigazzjoni dwar allegatament ħasil tal-flus wara li fl-Olanda inqabdet operazzjoni kbira ta' droga. Iżda din l-investigazzjoni inħbiet jew waqfet. Beppe Fenech Adami dak iż-żmien kien id-direttur ta' kumpanija fiduċjarja li skont l-investigazzjonijiet tal-pulizija kienet qed tieħu ħsieb it-transazzjonijiet għal kumpanija li setgħet kienet użata minn traffikanti supsettużi tad-droga.

Stqarrija mill-PN tgħid li bħal dejjem il-Partit fil-gvern kull darba li jkun hemm xi każ ta' allegat korruzzjoni, inkella xi każ negattiv fejn il-poplu jkun se jitkellem fin-negattiv dwaru, Kastilja toħroġ storja kontra l-oppożizzjoni biex tiddevja l-opinjoni pubblika. Dan wara li dalgħodu ħarġet fuq il-media il-każ ta' Beppe Fenech Adami u l-ħasil tal-flus meta llum stess għandu jasal it-tanker ġgantesk tal-gass fil-bajja ta' Marsaxlokk.

L-istqarrija tgħid hekk:

 Kif kulħadd stenna, fil-gazzetti ta’ dalgħodu, minbarra l-aħbar tal-wasla talmonument tal-korruzzjoni fil-bajja ta’ Marsaxlokk, hemm id-devjazzjoni ta’ Kastilja bil-ħsieb li n-nies flok ikomplu jitkellmu fuq ir-riskji kollha li ġab miegħu t-tanker tal-gass - kif filfatt qed jagħmlu - jitkellmu dwar xi ħaġa oħra - tkun xi tkun. L-istorja li qed tintuża bħala devjazzjoni minn Kastilja hija storja mġebbda u bla bażi, ntiża biss biex tiprova, għal darb’oħra, tħammeġ l-integrità tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Kif anke ntqal fil-Maltatoday, Beppe Fenech Adami, fl-ebda ħin, qabel il-bieraħ waranofsinhar, ma kien qatt jaf jew infurmat b’xi investigazzjoni dwar il-kumpanija msemmija. Għaldaqstant, Beppe Fenech Adami bl-ebda mod ma seta’ jkun jaf b’dawn l-investigazzjonijiet. Beppe Fenech Adami ilu li rriżenja mill-kumpanija msemmija fl-istorja kważi tliet snin.

Li kieku l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami huma veri, kieku l-erba’ Kummissarji tal-Pulizija ta’ Joseph Muscat, żgur li kienu jagħmlu xi ħaġa. Iżda dan kollu ma seħħx. Il-mistoqsija tkun jekk vera hemm xi ħaġa, għaliex il-Gvern ta’ Muscat ma għamel xejn

Issa l-logħba ta’ Muscat - li meta jkun taħt pressjoni, jara x’se jivvinta biex jiprova jdawwar id-diskors - draha kulħadd. U wara ġimgħa jaħrab lill-ġurnalisti u joħroġ mill-bibien tal-emerġenza, ried jara x’se jivvinta biex jiddevja l-attenzjoni. Għal darb’oħra, ħadd mhu jemmen il-qerq ta’ Muscat. Din hija t-tip ta’ politika maħmuġa li Muscat ilu jilgħab minn kemm ilu filpolitika.

More in Politika