Il-Minisru għall-Finanzi Edward Scicluna, fl-aħħar laqgħa tal-MCESD qabel il-baġit, wissa li matul is-sena d-dieħla, jiġifieri meta se jkun qed jiġi implimentat il-baġit li jmiss, id-dinamika Ewropea se tkun waħda kemxejn differenti minħabba li hemm diversi elezzjonijiet fil-pajjiżi membri, fosthom fil-Ġermanja u fi Franza. Wissa wkoll fuq il-fatt li iktar ma jgħaddi żmien, Brexit qed turi kemm hi sitwazzjoni kumplessa għaliex “tkun qisek qed taqla’ organu integrat u se ssir ħsara kbira, imma wieħed irid jara x’se tkun il-ħsara.”
Fil-laqgħa fejn se jkunu qed jiġu ppreżentati l-proposti għall-baġit, Scicluna faħħar is-sistema fiskali ta’ pajjiżna, u saħaq li grazzi għal din, Malta hija attraenti u tiġbed lejha ħafna industriji. Fl-istess waqt, Scicluna wissa kontra kummenti li jippruvaw jgħaddu lil pajjiżna bħala pajjiż li ma jimxix b’mod uġwali fejn tidħol taxxa, u jgħid li dawn jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna, jgħinu lill-“kompetituri tagħna li qed jippruvaw iħammġuna.”
Il-Ministru Helena Dalli, min-naħa tagħha faħħret laqgħat ta’ dan it-tip għaliex sostniet li b’hekk, il-Gvern ikompli jikkonferma kemm huwa Gvern li jisma’ u li jeħtieġ li tkompli titwessa’ l-konsultazzjoni, filwaqt li ħabbret li l-emendi fil-liġijiet tal-kunsill waslu fl-aħħar stadji tagħhom, biex jiġu preżentati u implimentati wara li ġew approvati mill-Kabinett, dawn se jwaalu biex il-kunsill ikun iktar demokratiku u jkun hemm iktar nies involuti fil-proċess.