Jean Claude Micallef u Stephanie Spiteri jidher li spiċċaw minn fuq NET TV

NET TV ġabu konsulenti tal-Mediaset li qed imexxuhom fl-iskeda l-ġdida

NET TV jidher li tilfu żewġ personalitajiet hekk imsejħa ‘tagħhom’ u ferm popolari fuq l-istazzjon tal-PN, mill-iskeda li ġejja. Stephanie Spiteri b’Malta Llejla li hu tant popolari man-nisa tad-dar u Jean Claude Micallef bil-programm li rebaħ popolarità kbira f’din l-aħħar sena ‘XIFT’ ta’ wara nofsinhar jidher li ma ntlaħaqx ftehim biex ikomplu tul l-iskeda l-ġdida. Dan ifisser li NET TV, skont sorsi qrib l-istazzjon, se jagħti doża aktar qawwija ta’ politika fl-aħħar sentejn tal-leġislatura Laburista biex jibdew iħejju għall-kampanja elettorali.

Dawn iż-żewġ programmi għalkemm popolari, xejn ma kienu jippumpjaw element politiku fihom u dan jista' jkun ir-raġuni li ma ntlaħaqx ftehim bejn il-partijiet.

Sorsi qrib l-istazzjon qalu li f’laqgħa li kien hemm mal-kap eżekuttiv Brian St John, dan offra ħin differenti lil Jean Claude Micallef li qed jissemma li jista' jkun li dan jitfaċċa fuq il-PBS, speċjalment issa li jmexxi lil PBS hemm John Bundy. Stephanie Spiteri wkoll ħadmet ma’ Bundy f’diversi okkazzjonijiet u ma nissorprendux ruħna li din il-personalità televiżiva maħbuba mal-pubbliku terġa' lura minn fejn bdiet, jiġifieri fuq il-PBS. Dan l-aħħar irriżenja wkoll Charles Saliba minn ma’ Radio 101 u dan kollu allegatament qed jiġri minħabba bidla sħiħa li qed tinħema għal NET TV u Radio 101 għas-sentejn li ġejjin.

Tant hu hekk li bħalissa hemm konsulenti mill-Mediaset jagħtu pariri lill-istazzjon tal-PN dwar kif għandhom imexxu għas-snin li ġejjin. Mediaset hi kumpannija mmexxija minn Silvio Berlusconi li kien jingwalaha ħafna mal-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

More in Politika