Josè Herrera: 'Il-birdlife hija storja ta' suċċess'

Il-Ministru tal-Ambejnt u Żvilupp Sostenibbli jiltaqa' mal-Birdlife

Josè Herrera jiltaqa' mal-membri tal-Birdlife
Josè Herrera jiltaqa' mal-membri tal-Birdlife

Bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum l-Ambjent, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera żar l-uffiċini tal-għaqda ambjentali Birdlife u ltaqa’ mal-voluntiera. Il-voluntiera spjegaw lill-ministru x-xogħol li jagħmlu f’din l-għaqda ambjentali li ilha mwaqqfa għal aktar minn 50 sena.

Huwa feraħ lil Birdlife, li hija storja ta’ suċċess, għall-mod ta’ kif irnexxielhom iqajmu kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-wildlife Maltija matul is-snin. Permezz tal-proġetti tagħhom u r-riservi naturali qed jipprovdu post sigur għall-għasafar residenti u dawk migratorji, u bħalissa għaddejjin bir-riċerka tagħhom sabiex isalvaw il-populazzjoni tal-għasafar Mediterranji.

Huwa kompla jgħid li permezz tal-programm edukattiv li għandhom l-iskejjel, il-Birdlife qed jgħallmu lit-tfal minn età żgħira sabiex japprezzaw l-ambjent u jagħmluhom konxji tal-impatt tan-nies fuq l-ambjent. Il-Ministru spjega li l-Ministeru tiegħu u l-Birdlife ħadmu flimkien f’diversi proġetti li kienu kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea u jħares ‘il quddiem sabiex jerġgħu jikkollaboraw flimkien f’proġetti ġodda. Il-Ministru Herrera żar ukoll ir-riserva naturali tas-Simar fejn ingħata tour ta’ din ir-riserva u anke żar il-bird-watching hide.

Il-Ministru Herrera ħabbar li nhar il-Ħadd li ġej f’Jum l-Ambjent, il-Ministeru tiegħu se jtella’ attività għall-familja kollha fl-Għammieri mid-09:30 sas-13:00, biex iqajmu kuxjenza favur l-ambjent. Huwa ħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu għal din l-attività.

More in Politika