Il-Federazzjoni li tirrapreżenta lill-kaċċaturi, l-FKNK illum ħabbret li qed titlob li jkun applikat 'moratorium' fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa biex ikun protett il-passatemp tagħhom. Din it-talba tiġi ftit iktar minn sena minn mindu l-istess FKNK ikkampanjat biex il-membri tagħha jkunu jistgħu jikkaċċjaw fir-rebbiegħa. L-FKNK, u magħhom l-għaqda Kaċċatrui San Ubertu qed jipproponu li jsir moratorju temporanju u volontarju fuq il-kaċċa tal-gamiem sakemm ikun hemm il-provi dwar il-popolazzjoni tal-istess speċi.
Minkejja dan, iżda l-FKNK xeħtet id-dubju dwar studji xjentifiċi li juru li l-poplazzjoni tal-gamiem niżlet bi 80% fl-aħħar 30 sena fil-kontinent Ewropew. Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione qal li "ninsabu infurmati li l-UE diġà kitbet ittra ta' twissija lil pajjiżna u jekk il-kwistjoni tispiċċa l-Qorti u pajjiżna jitlef, ikun tilef id-derogi kollha."
Din il-konferenza tiġi fid-dawl ta' stqarrija mill-Unjoni għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) li fakkret kif ir-riċerka dwar dan għadha għaddejja għalkemm sostniet li diġà hemm indikazzjoni li t-tnaqqis fil-popolazzjoni tista' tkun sforz intensifikazzjoni ta' attività agrikola, mard u anke l-kaċċa. Fl-ittra, l-IUCN sostniet li sakemm issir aktar riċerka li turi li din il-prattika fuq il-gamiem hija sostenibbli, tibqa' prattika pjuttost dubjuża."
L-FKNK ma tantx tidher impressjonata b'dan l-argument u tgħid li jekk il-kaċċa fuq 5,000 gamiema qed tkun ta' theddida għall-ispeċi, meta skont l-istess federazzjoni jgħaddu bejn żewġ u tliet miljun gamiema minn fuq l-Ewropa kull sena, l-IUCN minflok kellha toħroġ bi programm ta' konservazzjoni.