Il-Belt tiżżejjen u titħaddar għall-Valletta Green Festival

Tapit tal-Fjuri li jimmarka l-450 sena mit-twelid tal
Tapit tal-Fjuri li jimmarka l-450 sena mit-twelid tal

Waqt il‑ftuħ tal‑Valletta Green Festival li qed jittella’ mill‑Fondazzjoni Valletta 2018, il-Ministru l-ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera qal li din hija attività li tqajjem kuxjenza dwar l-ambjent ta’ madwarna. Huwa spjega li rappreżentanti mill-Wasteserv, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u d-Direttorat tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru tiegħu, se jkunu qed jipparteċipaw b’mod attiv f’dan il-Festival.

“Il-Wasteserv se tkun qed tagħti informazzjoni dwar il-Kampanja Edukattiva dwar l-iskart ‘Don’t Waste Waste’, li għadha kemm ġiet imnedija x-xahar li għadda, kif ukoll dwar il-proġett pilota għall-introduzzjoni tal-borża organika. Il-Wasteserv ser ikollha wkoll attivitajiet għat-tfal relatati mar-riċiklaġġ tal-iskart.

L-ERA ser tippromwovi l-bijodiversità fuq l-art kif ukoll fil-baħar u ser tkun qed tgħaddi informazzjoni dwar żoni protetti fl-ibħra Maltin, fost l-oħrajn. Min-naħa tad-Direttorat tal-PARKS ser ikunu qed jgħaddu informazzjoni dwar il-proġett tal-LIFE+ Buskett u l-kampanja Tree 4 U, tenna l-Ministru Herrera.

Huwa temm jgħid li minn dawn l-istands ser ikunu qed jitqassmu kotba u materjal ieħor b’informazzjoni għall-adulti kif ukoll materjal utli ħafna għat-tfal. Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-Ministeru ilu għal dawn l-aħħar xhur jikkoordina diskussjonijiet mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u entitajiet oħra dwar proġetti ta’ riġenerazzjoni fil-Belt Valletta, fosthom Strada Stretta.

Waqt il-Valletta Green Festival, se jkunu involuti membri tad-Direttorat tat-Tindif, li minbarra li għenu biex jitnaddaf il-monasteru ta’ Santa Katerina, se jkunu qed jagħtu tagħrif lill-pubbliku dwar il-kampanja Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek. Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku biex waqt l-avveniment jagħmel użu mit-trasport pubbliku.

Meta ddeskriva l-festival, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Dan iż-żwieġ bejn passat u preżent jissimbolizza lill-Belt Valletta llum, belt fejn id-drawwiet kontemporanji jimxu id f’id mal-patrimonju arkitettoniku u storiku. Fil-weekend ta’ Jum l-Omm, il-Valletta Green Festival, se jagħtina l-opportunità naraw is-sigrieti tal-Belt Valletta jinkixfu. Se jkattar ukoll il-valur tal-attrazzjoni annwali li qed tikber kull sena, u tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika tal-Belt Valletta”.

 

 

More in Politika