Tnaqqis ta' 150% fit-taxxa għal min jipproduċi films f'Malta

Edward Zammit Lewis u l-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech
Edward Zammit Lewis u l-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar li l-industrija tal-films lokali se tibda tibbenefika minn skema ta’ tnaqqis fit-taxxa. Kumpaniji li jagħżlu li jikkontribwixxu fil-produzzjoni ta’ films lokali u inizjattivi ta’ taħriġ offruti mill-Kummissjoni tal-Films, se jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 150% fit-taxxa.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li grazzi għal din l-iskema, il-Kummissjoni tal-Films se jkollha riżorsi akbar sabiex tgħin lit-talent u lill-ħaddiema lokali għall-films, u se tkompli toffri aktar taħriġ f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se taħdem id f’id mal-Kunsill Malti għall-Arti peress li l-iskema oriġinali kienet iffukata fuq il-kultura u issa ġiet estiża wkoll għall-films lokali. B’hekk, din l-inizjattiva ssir suċċess.

Il-Ministru għat-Turiżmu sostna li dan il-gvern qed jirnexxilu jattira ħafna produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta u fl-istess waqt qiegħed jinvesti ħafna fit-talent lokali. Fuq perjodu ta’ tliet snin mill-2014 sal-2016, il-Film Commission se tkun investiet madwar miljun ewro f’taħriġ għall-ħaddiema u għall-artisti Maltin. Il-Malta Film Fund toffri żewġ elementi ta’ fondi, wieħed għall-iżvilupp u l-ieħor għall-produzzjoni li jiffukaw fuq films qosra, dokumentarji kreattivi, u serje ta’ kwalità għolja sabiex jintwerew fuq stazzjonijiet televiżivi internazzjonali, b’allokazzjoni totali ta’ budget ta’ €250,000. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Maltija tal-Film (MFC) taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu, qed tirċievi applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-Fond tal-Films f’Malta minn produtturi tal-films ġodda u stabbiliti. Dwar l-imsemmija għotjiet, se jkun hemm ġurija ta’ esperti indipendenti inkluż professjonisti tal-industrija u l-akkademiċi sabiex jevalwaw u jivvalutaw l-applikazzjonijiet.

F’ċerti każi se jkun hemm ukoll finanzjament ta’ mija fil-mija. Is-sena li għaddiet tnedew kategoriji ġodda li se jerġgħu jkunu applikabbli. B’hekk ikunu inkoraġġuti talenti ġodda, u aktar nies ikollhom iċ-ċans li jidħlu fl-industrija tal-films. L-għan prinċipali tal-Gvern hu li tkompli tiżviluppa l-industrija lokali tal-films u li fl-aħħar mill-aħħar, ikollna work force li lesta tilqa’ numru ta’ produzzjonijiet barranin. Din is-sena, il-Fond tal-Films se jintroduċi l-International Film Festival Promotion Grant sabiex il-Kummissjoni tappoġġja produzzjonijiet teatrali Maltin f’festivals internazzjonali tal-films.

Dr Zammit Lewis qal li l-industrija tal-films qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna. Is-sena li għaddiet l-industrija tal-films f’Malta u f’Għawdex iġġenerat attività ekonomika kbira, u b’hekk qed jinħolqu ħafna impjiegi ġodda, għalhekk din is-sena se nkomplu naħdmu sabiex inkattru din l-industrija. Apparti l-impatt importanti li jħalli dan is-settur fuq l-ekonomija, l-industrija tal-films taqdi rwol importanti fir-reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Fost oħrajn, din tattira wkoll nies li jkunu jridu jiġu jaraw b’għajnejhom fejn inġibdu xeni tal-films, dak li jissejjaħ screen tourism.

Fi kliem il-Ministru Zammit Lewis, f’dawn l-aħħar xhur ġiet iffilmjata f’Malta sensiela għat-televiżjoni internazzjonali li ħalliet miljuni ta’ ewro fl-ekonomija Maltija. Din is-sena qed jirnexxilna niddiversifikaw aktar l-industrija u fil-fatt kellna ħafna proġetti ġodda relatati ma’ filming ta’ reklami li jintwerew fuq stazzjonijiet televiżivi. Bħalissa jinsab għaddej il-ġbid ta’ żewġ produzzjonijiet ġodda f’diversi postijiet fosthom fl-istudios tal-Kalkara u Forti Rikasoli.

L-objettiv ewlieni tal-Gvern huwa li jagħmel mill-industrija tal-films niċċa ekonomika importanti li twassal għal benefiċċju ekonomiku aħjar għal pajjiżna kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.

More in Politika