'Il-PN mar kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti'

Deborah Schembri walqet li din hija inkonsistenza bejn dak li jgħid u jagħmel il-PN

"Fl-ewwel ċans li kellu, il-Partit Nazzjonalista mar kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti permezz ta’ skema ta’ dejn sigriet, mhux garantit u bla trasparenza." Dan intqal f’konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri fil-bini tal-Parlament.

Schembri qalet li dan kollu huwa inkonsistenza assoluta bejn dak li jgħid u jagħmel il-Partit Nazzjonalista hekk kif dan kollu huwa kontra t-trasparenza li tant jitkellem dwarha. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni għall-proċess Amministrattiv saħqet li din l-iskema tqajjem mistoqsijiet kbar dwar min se jħallas u kif ser jitħallsu lura n-nies li jidħlu fl-istess skema filwaqt li elenkat kif is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake, ikkonfermat hi stess li l-iskema tmur kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti hekk kif nies jistgħu jagħtu bla limitu u b’mod anonimu.

"M’hemm l-ebda garanzija li l-flus jitħallsu lura hekk kif din l-iskema mhux qed jitolbuha biss lin-negozjanti iżda anke lin-nies, bla ma jgħidulhom pubblikament kemm għandu dejn il-Partit Nazzjonalista," spjegat Deborah Schembri.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fakkar kif wara li pajjiżna kien għadda minn ġenerazzjonijiet ta’ dibattiti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti, kien Gvern Laburista li daħħal din il-liġi. Din il-liġi hija breakthrough għax qed tkun assigurata t-trasparenza u aktar politika onesta, saħaq Bonnici.

Il-Ministru Bonnici spjega kif il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti għandha numru ta’ prinċipji fil-mod ta’ kif partit għandu jopera, li tinkludi t-trasparenza fl-ismijiet tal-persuni li jagħtu finanzjament lil partiti, fejn kull persuna li tagħti ammont ta’ donazzjoni qawwi dan għandu jiġi ppubblikat, u li l-prinċipju tal-limitu ta’ kemm wieħed jista’ jagħti li huwa €25,000 u 3. Il-prinċipju ta’ sors wieħed għal kull sena. Dawn l-elementi kollha flimkien ħolqu liġi kruċjali ta’ politika nadifa, onesta u governanza tajba. Illum, temm jgħid Owen Bonnici l-Partit Nazzjonalista vara skema ta’ dejn sigriet, mhux garantit u bla trasparenza.

More in Politika