“ Toni Abela huwa persuna kapaċissima u nemmen li bħala persuna għad fadallu ħafna x’joffri”
Daniel Micallef
Wara li aktarr kmieni l-ġimgħa li għaddiet, Toni Abela kien m'għaddiex mill-'grilling' li sarlu, il-President tal-Partit Laburista, f'intervista mal-ILLUM qal li Toni Abela għad fadallu ħafna aktar x'joffri, kemm lokalment u anke lil hinn.
Meta mistoqsi dwar dak li seħħ iktar kmieni matul din il-ġimgħa meta Toni Abela m’għaddiex mill-‘grilling’ li sarlu fil-kumitat tal-kontrolli baġitarji u jekk jaħsibx li Toni Abela kien preparat għal dan, Micallef sostna “jien naf kemm ipprepara Toni Abela, imma ġie mistoqsi fuq kollox barra fuq l-irwol li kien se jagħmel.” Kompla jgħid li l-membri li għamlu d-domandi, “preferew li jiffukaw biss fuq storja waħda b’mod prinċipali, imma mbagħad toqgħod tara affarijiet li tqajmu u li ssemmew, u hemm tibda tħokk ftit rasek, li huma affarijiet li ma naħsibx li kienu jimmeritaw li jiġu mistoqsija.” Żied jgħid li dawn preferew li jistaqsu fuq kwistjoni li ġiet ippruvata li hija gidba, “u stejjer li tqanqalu bi skopijiet partiġġjani. Nemmen li Toni Abela huwa persuna kapaċissima u ta’ integrità u onestà kbira, u nemmen li bħala persuna għad fadallu ħafna x’joffri, jekk hux f’istituzzjoni Ewropea, lokali jew politika.”
Meta mistoqsi dwar il-pożizzjoni ta’ Toni Abela fi ħdan il-Partit, jekk għad hemmx postu, Micallef wieġeb li huwa prematur li wieħed jitkellem dwar dan. “Il-prijorità bħalissa hi li Toni jqatta’ ftit jiem seren u trankwill, imbagħad wieħed jara, imma l-bieb tal-Partit Laburista huwa miftuħ għal kulħadd, aħseb u ara għal Toni Abela.”