L-ewwel ċentru ta' matul il-jum għal persuni bid-dimensja f'Għawdex

Is-Segretarju Parlamentari Caruana waqt il-ftuħ taċ-ċentru
Is-Segretarju Parlamentari Caruana waqt il-ftuħ taċ-ċentru

Illum infetaħ l-ewwel ċentru ta’ matul il-jum għall-persuni bid-dimensja li beda jopera f’Għajnsielem Għawdex fil-jiem li għaddew. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana nediet dan is-servizz uffiċċjalment li se jkun qiegħed jopera bħala parti mis-servizzi offruti f'Għawdex.Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan iċ-ċentru se jservi bħala post addattat għal dawk in-nies li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom u li waqt il-ħin ta’ matul il-jum ma jkunux jistgħu jassistuwhom minħabba ċirkostanzi ta’ xogħol jew affarijiet oħra. Hija qalet li dan iċ-ċentru, f’Għajnsielem Għawdex se jkun qiegħed jilqa’ sa massimu ta’ 10 persuni f’daqqa u trasport għal dawn il-persuni se jkun provdut kemm filgħodu u kemm wara nofsinhar meta dan iċ-ċentru jagħlaq is-servizz tiegħu.  

Is-Segretarju Parlamentari Caruana qalet li dan iċ-ċentru infetaħ permezz ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja, wara li sar xogħol estensiv biex l-ambjent ta’ dan il-bini jiġi mibdul f’ambjent li huwa Dementia Friendly. Filfatt, persuni bid-dimensja li jattendu dan iċ-ċentru se jkunu qegħdin f’post addattat u sikur għalihom. Hija semmiet ukoll kif is-servizz li se jkun qiegħed jingħata minn dan iċ-ċentru huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. 

Waqt iż-żjara tagħha f’dan iċ-ċentru, hija ltaqgħet ukoll mal-familjari ta’ wħud mill-persuni li se jkunu qegħdin jattendu dan iċ-ċentru.  Iddeskriviet dan il-proġett bħala parti minn sensiela ta’ proġetti li s-Segretarjat Parlamentari jmexxi li qiegħed jimplimenta biex isaħħaħ u jżid is-servizzi offruti lill-anzjani fuq bażi nazzjonali b’mod partikolari fil-Gżira Għawdxija minħabba l-fatt ta’ popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u in vista tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li addotta dan il-Gvern.  Apparti minn hekk, permezz ta’ dan il-proġett qed tkompli titwettaq ukoll l-wegħda ta’ ħolqien tax-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. 

 

More in Politika