Il-Każ tal-Armier: Simon jinħeba wara Joseph

Wara li ta l-impressjoni li huwa favur it-tneħħija tal-kmamar fl-Armier

Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wiegħed l-appoġġ tiegħu lill-Gvern jekk jieħu azzjoni kontra l-kmamar tal-Armier u qal li mhux se jżomm ma’ ftehim li sar minn Gvernijiet Nazzjonalisti fl-2003 u fl-2008, hu ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet diretti mill-gazzetta ILLUM. Din il-gazzetta staqsiet dwar x’qed jipproponi li jagħmel hu dwar il-kmamar fl-Armier kieku jsir Prim Ministru. Minflok wieġeb b’mod dirett għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, Busuttil qal biss li se jistenna lil Muscat jirreaġixxi għal dak li qal hu qabel ma jerġa’ jitkellem fuq is-suġġett. 

L-ILLUM bagħtet email b’numru ta’ mistoqsijiet bil-għan li l-PN jikkjarifika xi pjan għandu Simon Busuttil għall-Armier. Staqsejna b’mod ċar x’irid ifisser eżatt il-Kap tal-PN meta qal li mhux se jonora l-ftehim li sar mill-predeċessuri tiegħu, l-eks Prim Ministri Eddie Fenech Adami fl-2003 u Lawrence Gonzi fl-2008. L-ILLUM staqsiet dan li ġej: “X’hemm ippjanat li jsir fl-Armier? Jew aħjar, il-Partit Nazzjonalista x’se jagħmel fil-konkret?” kif ukoll, “Simon Busuttil qal li lest jiltaqa’ mal-partijiet interessati. Ġie avviċinat biex issir laqgħa? U x’se jkun qed jipproponi l-PN?”

It-tweġiba min-naħa tal-PN kienet xotta u ma tat l-ebda spjegazzjoni ta’ pjan konkret. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni diġà tkellem dwar dan is-suġġett f’żewġ okkażjonijiet dan l-aħħar. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru għadu ma ta l-ebda reazzjoni,” qalilna l-PN. L-email tgħid ukoll li, “l-Kap tal-Oppożizzjoni se jistenna r-reazzjoni tal-Gvern u f’dan l-istadju m’għandux aktar xi jżid fuq dak li diġà qal.” 

Wara l-ewwel email, l-ILLUM reġgħet bagħtet oħra lill-kelliem tal-PN li fiha staqsa jekk tal-inqas, minkejja li ma weġibx dwar kif qed jipproponi li jneħħi jew iwaqqaf l-abbuż fl-Armier, jikkonfermax li ġie avviċinat għal laqgħa mill-partijiet interessati.

 

 

 

 

 

More in Politika