L-ILLUM għandu informazzjoni li l-14-il Sindku li hemm Għawdex u li għandhom' passes' biex jagħmlu użu mil-Gozo Channel lejn Malta b'xejn, jiswew lill-kumpanija s-somma ta' €5,000 fis-sena.Dan ifisser li kull Sindku għandu "rigal" ta' €357 fis-sena, ftit i qas minn €1 kuljum.
Dan il-fatt qam meta f'intervista li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għamel fuq Smash TV u li ġiet irrapurtata fuq l-ILLUM, huwa indika bl-aktar mod ċar li fiż-żmien li ġej, hekk kif se jkun qed jiġi fi tmiemu l-Public Service Obligation (PSO) li sar taħt Gvern Nazzjonalista, se jkunu qed jiġu riveduti prattiċi ta' biljetti b'xejn lil numru ta' passiġġieri. Fil-fatt, matul l-istess programm, Refalo semma lis-Sindki, Konsli u anke l-qraba tal-ħaddiema tal-Gozo Channel. Huwa qal li dawn il-prattiċi "kissru lill-Gozo Channel".
Sadanittant il-Kelliem għal Għawdex f'isem il-PN, Chris Said għamel mistoqsija parlamentari lil Refalo fejn staqsa kemm sewa lill-kumpanija Għawdxija l-pass tas-Sindki matul is-sena li għaddiet. Il-Ministru wieġeb li ma ried ineħħi ebda passes qabel ma ssir konsultazzjoni diretta mal-partijiet konċernati. Qal ukoll li "huwa essenzjali li l-Gozo Channel tkompli tirreġistra profitti biex tkun f'pożizzjoni li tkompli l-vjaġġi u traħħas n-nollijiet."