Godfrey Farrugia hu t-tielet deputat laburista li hu kontra l-iffriżar tal-Embrijuni

Sadattant Chris Fearne jgħid li mhux se jintremew l-embrijuni

Wara li d-deputat Laburista Marlene Farrugia ħarġet fil-beraħ tgħid li hi kontra l-ioffriżar tal-embrijuni, u wara li ġimgħa ilu anke d-deputat laburista Deborah Schembri qalet ukoll li hi kontra l-iffriżar tal-embrijuni, issa kien imiss lit-tabib u deputat laburista ieħor, Godfrey farrugia li f'kummenti mas-sit newsbook ħareġ jgħid l-istess meta qal li bħala tabib huwa jsalva l-ħajjiet u mhux joqtolhom u għalhekk ma jaqbilx mal-qtil tal-embrijuni. Mal-istess sit ikkonferma wkoll informazzjoni li mhumiex wieħed u tnejn il-membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti li fil-prinċipju ma jaqblux lanqas.

Sadattant Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne assigura li l-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li fil-proċess ta’ iffriżar tal-embrijuni, numru minn dawn ikunu mormijin jew “ifflaxxjati.” Fil-fatt f’kummenti mal-ILLUM huwa assigura li l-Gvern qed jagħmel dawn it-tibdiliet “biex nagħtu l-aħjar opportunitajiet lill-ommijiet waqt li nirrispettaw il-ħajja fl-istadji kollha tagħha.”

Bis-sistema preżenti, ir-rata ta’ twelid hija ta’ 8% biss

Il-biża’ li numru ta’ embrijuni jkunu mormijin jew “ifflaxxjati” tqajmet diġà minn bosta persuni li qed jopponu t-tibdiliet li qed jipproponi l-Gvern preżenti, fosthom id-Deputata Laburista Deborah Schembri li l-ġimgħa li għaddiet, mal-ILLUM, fakkret kif fl-Awstralja u l-Istati Uniti hemm il-periklu li mal-miljun embrijun ikun mormi.

Fearne iġġustifika l-bidliet li qed jipproponi l-Gvern billi fakkar kif it-tobba esperti fl-IVF “qed jgħidulna li hawn numru ta' nisa li bis-sistema li għandna llum huwa diffiċli ħafna li jkollhom tarbija. Fil-fatt, l-ewwel figuri li għandna f'Malta juru li l-live birth rate  wara l-IVF hija ta' biss 8%.” Huwa sostna li b’dak li qed jipproponi l-Gvern, l-iktar teknoloġija avvanzata se tkun qed tintuża biex tgħin lil dawk l-ommijiet li ma jistgħux ikollhom tfal.  Fil-fatt kelliem tal-Gvern sostna li kuntrarjament għal dak li qed jgħidu xi wħud, il-proposta tal-Gvern Malti ma tippermettix li l-embrijun jintrema’ , iżda li dan jaqa’ f’idejn awtorità kompetenti, ladarba l-omm ma tkunx trid jew ma tkunx tista’ jkollha aktar tfal. Fost l-alternattivi għall-embrijun li ma jkunx impjantat fil-ġuf hemm ukoll il-possibilità li dan ikun adottat minn koppji oħrajn.

Fearne temm jgħid mal-ILLUM li l-Gvern huwa favur il-possibilità ta' ħajja ġdida “fejn illum din il-possibilità ma teżistix."

Il-kummenti ta’ Fearne jiġu fid-dawl ta’ oppożizzjoni li qiegħda tikber għall-bidliet li qed jipproponi l-Gvern preżenti fil-proċess tal-IVF. Il-ġimgħa l-oħra, mal-ILLUM, il-Membru Parlamentari Labrista Deborah Schembri esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-iffriżar tal-embrijun hekk kif saħqet li bl-avvanzi xjentifiċi li saru, dan lanqas hemm bżonnu. Hija fakkret kif illum huwa xjentifikament possibbli li tiffriża l-bajda. Qalet ukoll li jekk il-Partit Laburista jieħu deċiżjoni favur l-iffriżar tal-embrijun hija jkollha dilemma għax ma tistax tivvota favur xi ħaġa li tmur kontra l-kuxjenza tagħha.

Intant iktar kmieni din il-ġimgħa twaqqfet il-Fondazzjoni Life Network Malta li apparti li qed jopponu dawn it-tibdiliet, qegħdin ukoll jgħidu li f’każ li meta ssir liġi din tgħaddi mill-Parlament, huma jkunu lesti li jsejħu referendum abrogattiv. Fost dawk preżenti għall-ewwel attività ta’ din il-Fondazzjoni kien hemm it-tieni Deputata Laburista li esprimiet ruħha kontra, Marlene Farrugia, kif ukoll l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

 

 

 

More in Politika