‘Ma jistax ikun li pajjiżna jieqaf minħabba x-xita’ - Evarist Bartolo

… iżda Luciano Busuttil jgħidilna biex ma ninkwetawx għax anke New York hemm it-traffiku

Filwaqt li dalgħodu kienu bosta dawk li spiċċaw f’ferneżija ta’ rabja minħabba sigħat twal imwaħħla fit-traffiku, l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ma damx jomgħoda wisq u irrifletta s-sentiment tal-poplu Malti u tenna li ma jistax ikun li l-pajjiż jieqaf minħabba effetti tax-xita.

Fuq Facebook, il-Ministru tal-Edukazzjoni esprima d-dispjaċir tiegħu wara li xi tfal li dalgħodu kienu qed jistennew it-trasport għall-iskola, ħadu tixriba u aktar minn hekk, kienu għadhom lanqas walsu l-iskola meta saru id-9:30 ta’ filgħodu. Kienu bosta studenti mill-Università ta’ Malta u dawk tal-MCAST li waslu tard u li saħansitra tilfu l-lezzjonijiet minħabba dewmien.

“Jiddispjaċini għat-tfal li ħadu tixriba dalgħodu jistennew il-karozza għall-iskola. Nofs it-tfal għadhom lanqas waslu l-iskola meta saru 9.30am. Veru għamlet ħafna xita imma ma jistax ikun li pajjizna jieqaf minħabba l-effetti tax-xita fuq it-traffiku li hu diġà problema serja anki fil-bnazzi,” Bartolo qal.

Iżda filwaqt li Bartolo deher jesprimi s-sentiment tal-poplu Malti inġenerali, d-Deputat Laburista Luciano Busuttil qal li l-Malti m’għandux għalfejn jinkwieta għax f’New York, il-problema tat-traffiku hija inkreddibli.

Busuttil, li jinsab f’New York għal-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, qal li f’Manhattan kullimkien huwa iġġamjat u li erba’ karreġġjati huma mweħħla bil-karozzi. Huwa qal li b’konsegwenza tat-traffiku, spiċċa jimxi għal-laqgħat tiegħu biex ilaħħaq mal-ħin.

Qal ukoll li l-problemi tat-traffiku ilhom l-istess f’Malta għal għaxar snin, u li għaldaqstant huwa importanti li t-traffiku ma jispiċċax fiċ-ċentru ta’ argumenti politiċi – minkejja li fl-Oppożizzjoni, l-Partit Laburista kien juża l-problemi relatati mat-trasport pubbliku bħala wieħed mill-argumenti tiegħu.

Id-Deputat Laburista qal ukoll li Malta mhix kapaċi tkopri mal-ammont ta’ karozzi u li wasal iż-żmien li minflok ikun hemm karreġġjata waħda f’kull direzzjoni, jkun hemm żewġ karreġġjati f’direzzjoni waħda.

More in Politika