Front Ħarsien ODŻ jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Siġġiewi kontra l-iżvilupp ta’ korsa tal-Motor Sports f’żona barra l-iżvilupp magħrufa bħala San Niklaw fil-viċinanzi tad-Dar tal-Providenza.
Din il-ġimgħa, l-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, ħabbar espressjoni ta’ interess internazzjonali sabiex tinbena racetrack f’Malta. L-espressjoni ta’ interess tiftaħ il-possibilità li fil-post issir lukanda kif ukoll mużew tat-trasport, u aktar minn hekk, l-istess impressjoni tħalli f’idejn min se jipproponi l-proġett biex jagħżel is-sit fejn jixtieq isir l-investiment.
Madankollu, l-Front Ħarsien ODZ sostna li hija kontra kull żvilupp f’siti mhux żviluppati barra miż-żona tal-iżvilupp, irrespitivament minn fejn jiġu proposti. Fi stqarrija, l-Front tenna l-appell tiegħu lill-Gvern biex jeskludi kull proposta li tinkludi artijiet bħal dawn mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess.
“Il- Front itenni il-pożizzjoni tiegħu li l-Gvern ma kellux joħroġ din is-sejħa għal espressjoni ta' interess mingħajr ma jsiru studji dwar is-sostenibilità ambjentali ta’ żvilupp daqsekk massiv (kbir daqs mitt grawnd tal-futbol) f'pajjiż żgħir daqs Malta.”
“Imma jekk il-Gvern beħsiebu jibqa’ għaddej bħal romblu, il-Front jinsisti lid-dokumenti relatati ma’ din is-sejħa għall-espressjoni ta' interess ikunu pubbliċi biex jiżgura trasparenza sħiħa. Il-Front isejjaħ lil kunsilli lokali oħra fejn art ODZ tista' tiġi identifikata għal żvilupp simili biex jingħaqdu mal-Kunsill tas-Siggiewi fl-oppożizzjoni għal dan it-tip ta' żvilupp insostenibli.”