
Bord ta' inkjesta dwar Binja Buqana
L-intervent strutturali mistenni jiswa €2.5 miljun

Maħtur Bord ta' Inkjesta
More in Politika
L-intervent strutturali mistenni jiswa €2.5 miljun
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ħabbar illi ġiet imnedija Inkjesta sabiex tistabbilixxi l-irregolaritajiet li saru f’Binja Buqana l-Imtarfa.
Il-Ministru Farrugia qal illi meta fl-2014 feġġet il-problema tal-binja tal-emerġenza ta’ Mater Dei, minnufih beda eżerċizzju ta’ investigazzjoni fuq binjiet oħra li saru fl-istess żmien waqt li kien qed jinbena l-isptar.
Fisser kif sar magħruf illi l-Awtorità tad-Djar kienet irċiviet diversi rapporti mir-residenti tal-Binja. Uħud minnhom sostanzjati wkoll minn rapport tal-Periti tagħhom.
Kien jidher ċar ukoll li l-allegazzjonijiet ta’ difetti fl-istruttura li kienu qegħdin jiġu rrappurtati kienu qegħdin jiġu miċħuda mill-Perit responsabbli mill-Binja. Il-Ministeru flimkien mal-Awtorità ħa deċiżjoni sabiex itemm din is-saga darba għal dejjem u qabbad ‘structural engineers’ indipendenti.
Il-Ministru Michael Farrugia qal illi fl-istess żmien inzerta kien hawn Malta l-esperti mqabbda biex jinvestigaw in-nuqqasijiet fil-binja tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei u għalhekk saru diskussjonijiet magħhom sabiex jinbeda l-proċess ta’ investigazzjoni fuq il-kwalità tal-istruttura u l-istat ta’ Binja Buqana.
L-esperti ħadu numru konsiderevoli ta’ kampjuni ta’ concrete minn diversi partijiet tal-Binja u bis-saħħa ta’ testijiet xjentifiċi li saru fuq dawn il-kampjuni waslu għal-konklużjonijiet li jidru fir-rapport tagħhom.
Iil-Ministru Michael Farrugia qal li matul dan il-proċess kollu kien hemm kuntatt kontinwu mal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lir-residenti u dawn inżammu aġġornati pass pass bl-iżviluppi li kienu qed iseħħu.
Il-Ministru Farrugia qal illi llum jinsab f’qagħda li jista’ jgħid b’ċertezza li kien hemm nuqqasijiet kbar fil-kwalità tal-istruttura ta’ Binja Buqana.
Semma’ kif il-kumpanija ARUP għaddiet l-informazzjoni b’numru ta’ linji gwida ta’ kif l-Awtorità tad-Djar għandha tmexxi sabiex isir l-intervent strutturali li hemm bżonn.
Huwa għalhekk ukoll, qal il-Ministru Farrugia illi llum, il-Gvern qiegħed iniedi inkjesta sabiex jiġu stabbiliti bi preċiżjoni l-fatti kollha li wasslu għal din is-sitwazzjoni. Skont ir-riżultat tal-Inkjesta, il-Gvern imbagħad jikkonsidra x’tip ta’ proċeduri ċivili jew kriminali jista’ jibda kontra min seta’ kellu xi tip ta’ responsabilità qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru Farrugia qal illi filwaqt li l-Gvern mhuwiex legalment marbut li jerfa’ l-ispiża ta’ dawn l-interventi, minflok kines il-problema taħt it-tapit kif għamlet l-amministrazzjoni ta’ qabel, il-Gvern iħoss li għandu obbligu morali li jkun spalla ma spalla ma’ kull wieħed mit-80 resident ta’ Binja Buqana fl-Imtarfa. S’issa, qal il-Ministru Farrugia, jidher illi l-ispiża mistennija tilħaq 2.5 miljun ewro.
Il-Ministru Michael Farrugia qal illi l-Awtorità tad-Djar hija nfurmata wkoll illi hemm allegazzjonijiet oħrajn fuq Binjiet oħra tagħha. Għaldaqstant din l-inkjesta sejra tiġi estiża wkoll fuq dawn il-binjiet.
L-inkjesta se tkun qed titmexxa mill-Imħallef Emeritus Philip Sciberras.