It-tkabbir ekonomiku mistenni jibqa' għaddej fl-2015

Il-Prodott Domestiku Gross kiber b'6%

Il-Ministeru tal-Finanzi ħabbar li l-momentum qawwi li rajna fl-ekonomija Maltija matul l-2013 u l-2014 mistenni jibqa’ għaddej din is-sena. Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-ekonomija Maltija kibret b’4 fil-mija f’termini reali fl-ewwel kwart tal-2015 filwaqt li, f’termini nominali, espandiet b’6 fil-mija. Din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku hija saħansitra aktar notevoli meta mqabbla mat-tkabbir medju ta’ 1 fil-mija li ġie rreġistrat fiż-Żona tal-Ewro fl-istess perjodu.

“Dawn ir-riżultati tajbin ħafna huma l-frott tal-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jwettaq riformi strutturali biex ikabbar il-prodott potenzjali filwaqt li jreġġa’ l-finanzi pubbliċi tagħna lura fuq il-binarji t-tajbin,” qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Ċertament, it-tkabbir ekonomiku kien mirfud minn żieda fil-fiduċja tal-konsumatur b’riżultat ta’ livelli ogħla ta’ xogħol, rati ta’ qgħad storikament baxxi, u kapaċità tal-akkwist li qed tiżdied. Fil-fatt, fl-ewwel kwart tal-2015, il-konsum privat kiber bi 2.5 fil-mija jew €23.6 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2014, filwaqt li l-pagi u salarji medji għolew b’4.2 fil-mija jew €36.3 miljun. Dan jikkonferma li t-tkabbir ekonomiku qed jissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-familji Maltin. Dawn ir-riżultati pożittivi huma sostnuti wkoll minn stqarrija maħruġa dan l-aħħar mill-Eurostat, li turi li l-Maltin jinsabu ‘l fuq mill-medja tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-postijiet tax-xogħol u tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

Iċ-ċifri uffiċjali juru wkoll li t-tkabbir ekonomiku seħħ fuq bażi wiesgħa, bi tkabbir irreġistrat fi kważi kull settur tal-ekonomija. Ġie rreġistrat tkabbir partikolarment qawwi fis-settur tal-finanzi u l-assigurazzjoni (11.9%), u fis-settur professjonali, xjentifiku u tekniku (11.2%). Żidiet oħra notevoli fis-settur privat ġew irreġistrati fl-attivitajiet tal-proprjetà immobbli, tal-biedja u s-sajd, tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, kif ukoll tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Anki l-profittabbiltà tal-kumpaniji u n-negozji tjiebet sostanzjalment, b’6.1% jew €46.7 miljun. Dan għandu jibqa’ jgħin biex tiġi sostnuta l-enerġija mġedda li biha l-impriżi privati qed jinvestu fl-ekonomija Maltija, li min-naħa tagħha se tkompli tikkontribwixxi għall-kapaċità produttivà tal-ekonomija tagħna.

More in Politika