Wara l-introduzzjoni tal-att dwar il-Whistleblower

Għexieren ta’ rapporti kull sena – Owen Bonnici

Għexieren ta’ rapporti kull sena – Owen Bonnici
Għexieren ta’ rapporti kull sena – Owen Bonnici

“Qed nirċievu għexieren ta’ rapporti kull sena.” Dan qalu l-Ministru Owen Bonnici waqt il-programm Reporter immexxi minn Saviour Balzan. Il-programm kellu wkoll bħala mistiedna fuq is-suġġett lil MEP Therese Comodini Cachia.

Bonnici qal li minn meta daħal fis-seħħ l-att dwar il-Whistleblowers, qed ikun hemm għexieren ta’ rapporti li qed jaslu għand l-uffiċjali li huma nkarigati minn din it-taqsima u fost dawn hemm rapporti kriminali.

Balzan staqsa lil Comodini Cachia dwar il-fatt li l-kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil talab li tkun revokata l-protezzjoni tal-Whistleblower Joe Cauchi li bħalissa qed jixhed fil-każ dwar ix-xogħolijiet li allegatament saru f’Għawdex għal voti. Comodini Cachia qalet li kull protezzjoni tingħata b’numru ta’ kundizzjonijiet iżda għad mhux magħruf x’kundizzjonijiet hemm marbuta mal-każ ta’ Joe Cauchi. Fost dawn hi staqsiet lill-Ministru Owen Bonnici jekk Cauchi talabx li jitħallas tax-xogħolijiet li qed jallega li għamel bħala waħda mill-kundizzjonijiet tiegħu li jikxef x’kien għaddej.

Bonnici kien pront jisħaq li din il-liġi daħlet biex permezz tagħha tinbidel il-kultura u biex ħadd ma joqgħod lura milli jitkellem. Qal li l-atteġġjament minn naħa tal-kap tal-oppożizzjoni, li qed jattakka lil min tkellem, mhux wieħed ta’ nkoraġġiment.

Il-battibekk kompla bejn iż-żewġ kelliema b’Comodini Cachia tisħaq li din l-istorja ma kelliex tispiċċa ballun politiku fejn anke tkellem fuqha l-Prim Ministru taħt it-tinda. Bonnici qal li l-protezzjoni ma tinħarġx la minnu bħala Ministru u wisq anqas mill-Prim Ministru iżda tingħata wara li jkun hemm aċċertazzjoni dwar kull każ individwali u fuq il-pariri tal-avukat ġenerali.

More in Politika