[Aġġornata] Il-Pulizija jiddikjaraw li mhux qed issir investigazzjoni fuq Refalo

Il-PN iridu lil Refalo jirriżenja minħabba investigazzjonijiet fil-ministeru

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo

Il-pulizija jiddikjaraw li, wara dak li qiegħed jintqal dwar allegati każijiet ta' użu ta' fondi pubbliċi għal xogħlijiet privati, mhux qed issir l-ebda investigazzjoni fuq il-Ministru t'Għawdex.

Aktar kmieni...

Il-Partit Nazzjonalista jrid lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jirriżenja minn ministru wara rapporti tal-investigazzjoni tal-pulizija dwar xogħlijiet li saru għal kostitwenti privati bl-użu ta' budget ministerjali.

Fost daw ix-xogħlijiet hemm pjattaforma tal-konkrit għal restaurant f'Marsalforn, kif ukoll residenzi oħra privati fl-Għasri, x-Xagħra, Għajnsielem, il-Munxar u r-Rabat.

"Il-pożizzjoni t'Anton Refalo bħala ministru m'għadhiex tenibbli issa li għaddejja investigazzjoni tal-pulizija, sabiex l-ebda evidenza ma tista' tiġi mbabsa jew inkella moħbija tul l-investigazzjoni," saħaq il-viċi kap tal-PN Beppe Fenech Adami.

"Ministru qiegħed jiġi investigat mill-pulizija dwar abbużi li seħħew f'ministeru," kompla Fenech Adami, "wasal ż-żmien biex Joseph Muscat jieħu deċiżjoni li qed jistennew minnu n-nies."

Huwa kompla jgħid kif inkixfu disa' każi s'issa fejn fondi pubbliċi ntużaw għal xogħlijiet privati, fosthom għal canvasser tal-ministru stess. "Insejjaħ lill-pulizija sabiex jintensifikaw l-investigazzjonijiet u jagħmlu użu mill-Whistleblower Act sabiex jagħtu protezzjoni lix-xhieda li jkunu utli għall-pulizija."

 

More in Politika