Huma biss 15% it-tfal li jieklu frott u ħaxix

Kampanja għal ikel bnin fl-iskejjel

Kampanja għal ikel bnin fl-iskejjel
Kampanja għal ikel bnin fl-iskejjel

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li nofs it-tfal Maltin jieklu ħelu u/jew xorb biz-zokkor kuljum filwaqt li 15% biss huma dawk li jieklu frott u ħaxix.

Huwa qal dan waqt it-tnedija tal-lunchbox campaign, inizjattiva li qed tittella b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-istudenti tal-iskejjel primarji qegħdin jingħataw ktejjeb b’diversi riċetti appetitużi u nutrijenti li t-tfal jistgħu jippreparaw flimkien mal-ġenituri tagħhom għal-lunch tal-iskola.

“Dak li nieklu jagħmilna dak li aħna. Għandna ħafna tfal li huma obeżi, l-abbitudnijiet fl-ikel ta’ meta tkun għadek żgħir jibqgħu miegħek ħajtek kollha. Għalhekk huwa importanti li sa minn eta żgħira nrawmu fit-tfal tagħna abbitudnijiet tajbin fl-ikel ,” qal Fearne.

Waqt l-attivita tal-lum, it-tfal flimkien mal-għalliema u l-ġenituri tagħhom sajru kuskus kollu ħaxix ikkulurit. Uħud mill-ħaxix f’dan il-kuskus fosthom il-basal u xi ħxejjex aromatiċi ttieħdu mill-ġnien (kitchen garden) mal-iskola stess.

Il-Ministru Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne irringrazzjaw lill-istudenti, il-kap tal-iskola, l-istaff u l-ġenituri tal-iskola tal-impenn taghhom.

More in Politika