Perjodu eċċitanti għall-qasam tas-saħħa f’pajjiżna – Chris Fearne

Tabib għandu dejjem jibqa’ jitgħallem

Tabib għandu dejjem jibqa’ jitgħallem
Tabib għandu dejjem jibqa’ jitgħallem

Waqt li kien qiegħed jindirizza seminar imtella’ mill-Malta Post Graduate Medical Training Centre dwar l-ePortfolio, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li dan huwa perjodu eċċitanti għall-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.

Fearne qal li tabib għandu dejjem jibqa’ jitgħallem, anke sabiex il-pazjent jibqa’ jingħata dejjem l-aħjar kura. “Fil-passat il-post graduates fost it-tobba kien isir b’mod ad hoc, illum anke grazzi għall-ePortflio l-post graduates qegħdin isiru b’mod aktar strutturat,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Huwa żied jgħid li jekk ma nkunux minn ta’ quddiem f’dan ir-rigward ikunu qegħdin ibatu kemm it-tobba kif ukoll il-pazjenti Maltin. Is-Segretarju Parlamentari semma fost oħrajn is-simulation center f’Mater Dei li ġie nawgurat f’Ottubru tas-sena li għaddiet li fl-ewwel sitt xhur tiegħu serva ta’ taħriġ għall-1,200 student.

Il-Malta Post Graduate Medical Training Center  ilu mwaqqaf mill-2008 u llum evolva f’ċentru dinamiku li jagħti appoġġ lil aktar minn 500 tabib fi stadji differenti tal-ispeċjalizzazzjoni medika tagħhom.

L-ePortfolio hija sistema online li permezz tagħha dawk kollha li jkunu qegħdin isegwu kors ikollhom portfolio elettroniku matul it-taħriġ kollu tal-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, fejn 85% tal-proġett ingħata mill-Fond Soċjali Ewropew. 

More in Politika