Qed niktbu l-istorja - SHout

Wasal fl-aħħar il-mument li ilna nistennew – Mark Sultana

Wasal fl-aħħar il-mument li ilna nistennew – Mark Sultana
Wasal fl-aħħar il-mument li ilna nistennew – Mark Sultana

Kelliema tal-kampanja Spring Hunting Out (SHout) inġabru dalgħodu quddiem iċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, il-post fejn il-Ħadd li ġej jitħabbar ir-riżultat tant mistenni tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, biex iħeġġu lill-votanti kollha biex ikunu parti mill-istorja. 

Mark Sultana, kelliem għax-SHout, qal: “Wasal fl-aħħar il-mument li ilna nistennew, ħalli flimkien nagħlqu l-kapitlu fuq il-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa. F’erbat ijiem ħa nkunu għamilna marka mhux biss fuq il-karta tal-vot, imma anke fil-kotba tal-istorja. Aħna tax-SHout għamilna mill-aħjar biex immexxu kampanja pożittiva ħalli n-nies jifhmu kemm l-argumenti tagħna jagħmlu sens. “

“Ir-referendum huwa proċess demokratiku li jirrifletti x-xewqa ta’ poplu. Din hi l-ewwel darba li eluf ta’ votanti minn diversi twemmin politiku ngħaqdu flimkien u għamlu għajta biex issir bidla.”

“Huwa proprju hawnhekk, f’daċ-ċentru, li l-voti ta’ kulħadd se jinġabru u jingħaddu. Huwa hawnhekk li r-riżultat ħa jitħabbar, huwa hawnhekk li l-istorja ħa tkun qed tinkiteb. Għandna ċ-ċans li nwaqqfu darba għal dejjem id-drawwa kerha li noqtlu l-għasafar huma u sejrin ibejtu. Għandna ċ-ċans noħolqu futur aħjar għan-natura u għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

“Din hi kwistjoni li taffettwana lkoll, għalhekk kull min għadu ma ġabarx id-dokument tal-vot inħeġġuh jiġi jiġbru minn hawn, iċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, mhux aktar tard mill-Ħamis filgħaxija.”

Moira Delia semmiet l-ħames raġunijiet prinċipali għaliex wieħed għandu jivvota LE nhar is-Sibt li ġej:

1. “Ivvota LE biex jieqaf il-qtil bla sens ta’ għasafar li qed ipassu biex imorru jbejtu. Malta hija l-uniku pajjiż li għadu joqtol il-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa, għasafar li qed jonqsu u li għalhekk ma jistax ikun li tista’ toqtolhom b’mod sostenibbli.”

2. “Ivvota LE biex inwaqqfu t-theddid u l-ibbulijar tal-kaċċaturi, tattika li saret ħaġa ta’ kuljum, u biex inwaqqfu negozjati u ftehim wara bibien magħluqa. Dan ir-referendum ġibnieh biex inħaddmu d-demokrazija: il-kaċċaturi jitkellmu bl-armi, aħna nitkellmu bil-vot tagħna.”

3. “Ivvota LE għax għandek id-dritt tgawdi l-kampanja fir-rebbiegħa bla ma tiġi mhedded, imkeċċi u mbeżża’. Jekk tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kaċċaturi xorta għandhom ħames xhur sħaħ minn Settembru sa Jannar joqtlu l-għasafar u bla kontroll fuq kemm joqtlu. Huma għandhom il-ħarifa u nofs ix-xitwa, aħna rridu r-rebbiegħa.”

4. “Ivvota LE biex noħolqu futur aħjar għal uliedna, futur li fih jistgħu jaraw iktar għasafar u natura fil-kampanja, futur li fih jitgawdew id-drittijiet li għandu jkollu kull ċittadin.”

5. “Ivvota LE biex inġibu lil Malta bħall-bqija tal-Ewropa. Aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa li noqtlu l-għasafar fir-rebbiegħa. Aħna l-uniku pajjiż fil-Mediterran fejn il-gamiema ma tbejjitx.”

Il-kelliem għax-SHout Saviour Balzan qal li l-kampanja biex titwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa kienet kampanja pożittiva. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd jiftakar x’qalu l-mexxejja politiċi: Joseph Muscat u Simon Busuttil it-tnejn għamluha ċarissma li n-nies huma ħielsa biex jivvutaw kif  iridu.

“U għalhekk tant u tant Laburisti u Nazzjonalisti bi ħsiebhom jivvutaw LE. Dan referendum fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa u fuq il-kampanja, xejn iktar,” żied jgħid Saviour Balzan.

“Għandna quddiemna opportunità speċjali, opportunità biex kull wieħed u waħda minna nagħtu sehemna f’dal-proċess demokratiku. Inħeġġiġkom tiġbru l-vot, inħeġġiġkom tużaw il-vot, ħalli flimkien inġibu bidla f’dal-pajjiż. Flimkien nistgħu niktbu l-istorja.”

 

 

More in Politika