Inawgurat Ġnien il-Qari - f’ambjent miftuħ u arja nadifa

Ġnien li faċilment jista’ jintlaħaq mill-irħula tal-madwar – Silvio Parnis

Ġnien li faċilment jista’ jintlaħaq mill-irħula tal-madwar – Silvio Parnis
Ġnien li faċilment jista’ jintlaħaq mill-irħula tal-madwar – Silvio Parnis

In-naħat ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja ġew mibdula fl-ewwel reading garden bl-isem ta’ Ġnien il-Qari.

Dan il-proġett seta’ ikun possibli wara ħidma li wettaq il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u l-kumpanija privata Norwex, b’din tal-aħħar tikkontribwixxi finanzjarjament għat-tisbieħ ta’ dan il-post.

F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sit, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli esprimiet l-apprezzament tagħha u tal-Gvern għall-kontribuzzjoni tal-kumpanija b’risq il-qasam ambjentali u edukattiv.

Hija ddeskriviet il-proġett bħala wieħed li se jżewweġ il-qari tradizzjonali mal-teknoloġija tal-informatika peress li se jkun hemm ukoll is-servizz tal-wifi għall-użu tan-nies li jmorru f’dan il-ġnien biex jaqraw. Dan kollu, f’ambjent miftuħ u arja nadifa tal-kampanja.

Dalli faħħret dawk il-kumpaniji li minn jeddhom qed joffru donazzjonijiet jew parti mill-ħin tagħhom b’risq il-poplu Malti bħala parti mill-corporate social responsibility tagħhom.

Il-Ministru Dalli qalet li dal-proġett huwa parti minn numru ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom il-Kunsill Konsultattiv fosthom il-pjazza ta’ Raħal Ġdid u l-proġett ta’ Wied Blandun.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis fisser kif dan il-proġett jirrifletti s-sinerġija u l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-gvern ċentrali u s-settur privat.

Hu semma kif wara li l-kumpanija Norwex uriet l-interess li tagħti donazzjoni ta’ 150 siġra taż-żebbuġ, il-Kunsill Konsultattiv ippropona li jsir proġett ta’ reading garden f’Bir Miftuħ li jkun wieħed ambjentali filwaqt li jilħaq ukoll għan edukattiv. Qal li s-sit magħżul huwa wieħed storiku  u viċin l-ajruport fejn faċilment jista’ jintlaħaq mill-irħula tal-madwar.

Fost l-oħrajn il-proġett se joffri opportunità lit-tfal tal-iskejjel biex jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ story telling u qari b’mod organizzat fil-kampanja. Infatti, l-Kunsill Konsultattiv ħa ħsieb li jinstalla numru ta’ bankijiet, bins u servizzi oħra filwaqt li l-akwata se jkollha wkoll wifi spot.

Il-Kunsill Konsultattiv ħa ħsieb ukoll li joħloq kunċett simili ta’ reading area fuq skala iżgħar fil-jogging track ta’ Santa Luċija fejn tħawlu 30 siġra oħra li wkoll ġew iffinanzjati mill-kumpanija Norwex filwaqt li twaħħlu bankijijet u servizz ta’ wifi.

Dan il-proġett isegwi t-tnedija tal-proġett tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid li kien varat ilbieraħ mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar, biż-żewġ proġetti joffru spazji miftuħa għall-pubbliku  u arja aktar nadifa.

 

 

More in Politika