Il-Mediterran huwa l-pont ta’ żewġ kontinenti

Dan huwa l-waqt li ninfetħu għall-isfidi – Joseph Muscat

Dan huwa l-waqt li ninfetħu għall-isfidi – Joseph Muscat
Dan huwa l-waqt li ninfetħu għall-isfidi – Joseph Muscat

“Jien nemmen li ż-żmien li ġej se jkun mimli sfidi imma mimli opportunitajiet, il-Mediterran huwa pont ta’ żewġ kontinenti u pajjiżna għandu żewġ antriporti fuq żewġ kontinenti. Dan huwa l-waqt li ninfetħu għall-isfidi. Ngħinu lin-nies tan-naħa t’isfel billi nagħtu ċ-ċans u  nkebbsu n-nar biex il-partijiet jitkellmu bejniethom u ma’ sħabna tan-naħa ta’ fuq billi nitkellmu fuq metodi ġodda kif imexxu l-ekonomiji ‘il quddiem lil hinn mill-awsterità.” Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fil-Birgu sabiex ikun imfakkar is-36 Anniversarju mill-Ħelsien ta’ pajjiżna.

Muscat qal li l-Ħelsien inkiseb ferm qabel l-1979, għax il-Ħelsien huwa attitudni huwa mod ta’ ħsieb. “Ninsabu fi żmien fejn il-Mediterran għaddej minn taqlib enormi, inkunu żblajati jekk nemmnu li t-taqlib qiegħed biss fil-pajjiżi tan-naħa t’isfel. Fuq in-naħa t’isfel hemm problemi ta’ sigurtà, problemi ta’ demokrazija bażika iżda fin-naħa ta’ fuq hemm problemi ekonomiċi, problemi ta’ faqar li ħafna ħasbu li kien spiċċa żmienu f’din in-naħa tal-Ewropa.” Żied jgħid li qatt daqs illum il-Mediterran m’huwa post fejn hemm il-fluwidità, fejn qed iseħħu l-affarijiet. “Għal ħafna snin kien ikun hemm parti komda tal-Mediterran u parti le, illum l-ebda parti ma hi komda.”

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna mhux qed jgħix perfezzjoni, imma meta jħares madwaru, l-ekonomija tagħna miexja ‘il quddiem, fejn għandna aktar libertaijiet ċivili, li f’dan il-baħar imqalleb, qed ngħixu f’pajjiż li qed iwettaq il-ħolma Mediterranja bil-fatti. “Huwa żmien li nħarsu aktar ‘il quddiem. Pajjiżna għandu l-potenzjal ta’ darba f’ġenerazzjoni jew tnejn, biex ikun ċentru tal-Mediterran bil-fatti, fejn isir ċentru fil-Mediterran fil-vokazzjoni tiegħu, fil-qasam tas-saħħa.” Spjega li l-istess jista’ jkun fil-qasam tal-enerġija fejn pajjiżna jista’ jkun dak il-pont għal sħabna fin-naħa t’isfel bħala pont għal Ewropa u għal Ewropa bħala alternattiva minn fejn iġġib l-enerġija.

Fl-Aħħarnett, il-Mexxej Laburista għamel referenza għaż-żjara ta’ Donald Tusk fejn Tusk ried jagħti sinjal li l-politika tal-Mediterran hija għal qalbu u għal qalb l-Ewropa u propju  għażel li jibda dan fiċ-ċentru tal-Mediterran, f’pajjiżna, temm jgħid Joseph Muscat.

 

More in Politika