Xogħol f’ristorant ġdid b’materjal tal-Gvern – Chris Said

L-investigazzjoni għandha tkompli wara d-9 ta’ Marzu 2013

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li l-investigazzjonijiet li qed isiru dwar xogħol li sar f’Għawdex għall-privat fi żmien gvern nazzjonalista mill-Ministeru ta’ Għawdex m’għandhiex tieqaf sad-9 ta’ Marzu 2013. Saħaq li l-investigazzjonijiet iridu jkopru wkoll dak li sar fl-aħħar sentejn taħt amministrazzjoni laburista.

Il-kelliem qal li jridu jiġu nvestigati allegazzjonijiet li hemm min uża materjal u ħaddiema biex jagħmel xogħol privat f’ristorant f’Marsalforn. Insista wkoll li jekk l-aħħar sentejn ma jkunux investigati, u l-investigazzjoni tibqa ddur biss mal-allegazzjoni fuq ir-raġel ta’ Giovanna Debono allura jkun hemm prova ċara dan il-każ qed jintuża biss bi skopijiet politiċi.

Chris Said għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista hu kontra kull abbuż, isir mill-liema naħa jsir. Żied li l-partit lest jieħu kull azzjoni propizja wara li jingħalqu l-investigazzjonijiet u dejjem jekk jirriżulta li kien hemm xi ksur tal-liġi.
 

More in Politika