Il-kampanja ta’ intimidazzjoni tkompli bil-kitba mal-ħitan fir-Ramla Għawdex.
Il-kliem baxx li nkiteb fil-konfront tal-preżentatriċi Moira Delia qiegħed hemm biex jarah kulħadd u hu intenzjonat biss biex ibeżża’ lill-esponenti li qed jagħżlu li pubblikament jiddikjaraw is-sostenn tagħhom kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
F’kumment mal-ILLUM, Moira qalet li din l-intimidazzjoni tkompli turi kemm il-kaċċaturi mhux lesti li jaċċettaw ir-rieda tal-maġġoranza. “Aktar ma joħroġu sondaġġi li juru li l-maġġoranza tan-nies huma kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, aktar qed iħarxu l-intimidazzjoni tagħhom lejna li qed naħdmu biex nipproteġu l-għasafar fi żmien li jkunu qed ipassu minn fuqna. Aħna se nkomplu bil-kampanja tagħna u nħeġġeg lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex fil-11 t’April jiftakru f’din l-intimidazzjoni li l-kaċċaturi qed jimponu fuqna.”