Uffiċċju tal-Informazzjoni Turistiku ġdid fiċ-ċentru ta’ Buġibba.

Uffiċċju sabiex iservi ta’ għajnuna lit-turisti

“Minħabba l-influss qawwi ta’ turisti f’din iż-żona tal-gżejjer Maltin inħass il-bżonn li jinfetaħ dan l-uffiċċju sabiex iservi ta’ għajnuna lit-turisti għal aktar għarfien dwar l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Barra minn hekk dan l-uffiċċju se joffri servizzi għar-residenti tal-akkwati.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis meta lbieraħ fetaħ uffiċjalment uffiċċju tal-Informazzjoni Turistiku ġdid fiċ-ċentru ta’ Buġibba.


Kompla jgħid “Dan il-proġett twettaq b’kollaborazzjoni konġunta bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Gvern attwali wettaq xogħlijiet f’dan l-uffiċċju tal-informazzjoni f’inqas minn tliet xhur hekk kif il-ħidma kontinwa fuq is-sit bdiet f’Diċembru li għadda. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-amministrazzjoni preċedenti li njorat l-importanza li jkun hawn post ċentrali ta’ għarfien għat-turisti.”

Il-Ministru qal li hu ra l-bżonn li jitwaqqfu uffiċini tal-informazzjoni turistiċi f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex għaliex tinħass il-ħtieġa li nkunu preżenti. “Dawn huma importanti biex it-turist ikollu aċċess għall-informazzjoni f’aktar postijiet. Huwa stqarr li dan l-uffiċċju l-ġdid huwa d-disa’ post li qed jinfetaħ madwar il-gżejjer Maltin u li fis-sajf li ġej mistenni l-ftuħ ta’ uffiċċju ieħor għat-turisti din id-darba fil-lokalità  ta’ Marsaxlokk, fin-nofsinhar ta’ Malta.”
  
Il-Ministru sostna li l-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu li se titnieda din il-ġimgħa stess, issemmi li fl-2013, 4 minn kull 5 turisti li żaru l-Uffiċċju tal-Informazzjoni għat-Turisti kienu sodisfatti mis-servizz provdut lilhom. Jingħad ukoll li  jidher ċar il-bżonn ta’ ftuħ ta’ uffiċini ta’ informazzjoni f’diversi lokalitajiet oħra.
 
‘‘Id-direzzjoni ta’ din il-politika hija li l-Gvern se jiżgura koordinazzjoni akbar bejn il-korpi u awtoritajiet differenti tagħha biex jiġi żgurat progress fit-titjib ta’ servizzi dwar informazzjoni lit-turist,’’ temm jgħid il-Ministru.
 

More in Politika