€200 miljun fl-ekonomija u fil-qasam tas-Saħħa

L-Editorjal tal-ġurnal ILLUM

Din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat ippreżenta pjan għall-qasam tas-saħħa maħsub biex jibdel radikalment is-sistema kollha tas-saħħa f’pajjiżna. Pjan li skont il-Prim Ministru stess hu mistenni li jindirizza l-problemi kurrenti fil-qasam tas-saħħa u jdawwarhom f’opportunita’. Dan il-proċess se jsir permezz ta’ ftehim mal-Università Queen Mary biex f’Għawdex tinfetaħ l-Universitá Medika ta’ Barts and The London School of Medicine and Dentistry.

L-investiment li ħabbar il-Prim Ministru qed jitqies bħala wieħed mill-akbar investimenti fil-qasam tas-saħħa mill-privat f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin u l-akbar investiment tat-tip tiegħu fil-gżira Għawdxija. Investiment li se jfisser injezzjoni ta €200 miljun fl-ekonomija u fil-qasam tas-Saħħa.

Il-ftehim li laħaq il-gvern ma’ Barts hu mistenni li jiftaħ it-triq għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol għal dawk l-istudenti li jistudjaw il-mediċina u d-dentistrija, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.  Din l-iskola medika kienet ġiet imwaqqfa meta ssieħbu flimkien il-London Hospital Medical College, il-Medical College of St. Bartholomew’s Hospital u l-Queen Mary and Westfield College.

L-iskola ta’ Barts kienet minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ kurrikulu modern mediku u dentali. Hija magħrufa wkoll għall-fatt li tipprovdi lill-istudenti li jattendu opportunità unika ta’ tagħlim billi tesponi lill-istudenti għal sitwazzjonijiet, xenarji u riċerka iffukata fuq kundizzjonijiet bħad-dijabete, mard tal-qalb, tuberkulożi, mard kroniku fil-pulmun, HIV u l-kanċer.  Hija wkoll rikonoxxuta għat-tagħlim tal-aqwa kwalità fl-oqsma tal-mard kardjovaskulari u l-kanċer.

Intant ma’ l-aħbar tal-Prim Ministru, ħafna kienu dawk li kkummentaw dwar il-problemi fil-qasam tas-saħħa, problem li ilhom għaddejjin għal snin twal fejn ħafna kienu ttamaw li bil-ftuħ tal-isptar Mater Dei tmien snin ilu, il-qasam tas-saħħa kien se jkun, skont kif kien jgħid u jwiegħed il-partit nazzjonalista fil-gvern, sptar state-of-the-art u li se jwassal biex pajjiżna jkollu l-aqwa servizz tas-saħħa u t-tmiem tal-problemi li l-poplu kien jesperjenza fl-isptar San Luqa.

Illum, il-Partit Laburista fil-gvern, qed juri biċ-ċar li hu mpenjat biex verament isolvi l-problemi li kien ilhom ikaxkru għal snin twal. Il-Mediċini out-of-stock u n-nuqqas ta’ sodod huma fost il-prijoritajiet li l-gvern qed iżomm il-fuq fuq l-aġenda tiegħu filwaqt li jkompli jisħaq li s–servizzi tas-saħħa jibqgħu b’xejn kif kien wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu.

Il-ftuħ ta’ l-iskola medika f’Għawdex mhuwiex biss intenzjonat li jsaħħaħ il-qasam tas-saħħa iżda hu ntenzjonat ukoll li jkompli jiġġenera l-ekonomija fil-gżira Għawdxija. In-numru ta’ tobba u studenti li se jkunu qed jistudjaw u jaħdmu f’Għawdex se jkunu qed jikkrontibwixxu direttament lejn l-ekonomija hekk kif il-korsijiet tal-mediċina huma twal ħames snin.

Apparti t-tobba u l-istudenti hemm marbut ukoll ma’ dan il-proġett il-qasam tat-turiżmu mediku, settur li kull ma’ jmur qed dejjem jikber u li s’issa pajjiżna ftit li xejn gawda minnu għajr għal xi servizzi li kienu pprovduti minn xi sptarijiet privati.

Għalhekk, il-ftehim ta’ din il-ġimgħa hu ftehim importanti ħafna għal pajjiżna, kemm mill-lat ta’ servizzi mediċi u kif ukoll mill-lat ekonomiku. Ftehim li għandna nkunu kburin bih llkoll.

 

 

 

 

More in Politika