Rabta bejn il-qari u l-iżvilupp tat-tfal – Evarist Bartolo

Tfal esposti għall-kultura tal-qari permezz tal-programm “Aqra Miegħi”

“50,000 iktar kotba ingħataw fl-iskejjel għat-tfal Maltin u Għawdxin bħala parti mill-inizjattivi favur il-qari u l-litteriżmu.” Dan intqal waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Edukazzjojni u x-Xogħol Evarist Bartolo għamlu dalgħodu ġewwa l-iskola Primarja ta’ Ħal-Luqa waqt sessjonijiet ta’ qari bħala parti mill-inizjattiva ‘Aqra Miegħi’.

Il-Prim Ministru qal li 80 mill-100 proposta fl-istrateġija favur il-litteriżmu diġà qed ikunu implimentati wara biss ftit xhur. Huwa kompla li sal-aħħar ta’ din is-sena 8,000 tifel u tifla se jkunu esposti għall-kultura tal-qari permezz tal-programm “Aqra Miegħi”.
Il-Prim Ministru u l-Ministru Evarist Bartolo qraw stejjer lit-tfal fil-klassi tagħhom. L-istess għamlu l-personalitajiet Ira Losco, Xandru Grech, Tiziana Calleja u Gordon Bonello.

Il-Prim Ministru qal li l-istudji juru li f’pajjiżna għandna livell baxx ta’ litteriżmu. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jaddotta strateġija favur il-kultura tal-qari. L-effett ta’ dan l-isforz bla preċedent mhux se jinħass mil-lum għal għada, imma żgur se jżid l-għarfien dwar il-bżonn tal-qari.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li hemm rabta bejn il-qari u l-iżvilupp tat-tfal. Sostna li huwa importanti ħafna li ma ndarrux lil uliedna jaqraw bil-fors, imma jieħdu gost jaqraw.

Minħabba li l-attività saret fi skola, il-Ministru ħa l-okkażjoni jirrimarka li fl-elezzjonijiet li ġejjin, għall-ewwel darba, mhux se jiġri bħal qabel fejn ħafna klassijiet kienu jitħarbtu għal tul ta’ żmien biex jinbidlu f’postijiet tal-votazzjoni. Sar ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali u l-partiti biex il-materjal bżonnjuż għall-votazzjoni jkun tali li jintrama u jiżżarma malajr u b’hekk id-detriment fuq is-sistema edukattiva jkun mill-inqas.
 

More in Politika