Żieda fl-impjiegi

L-impjiegi żdiedu wkoll fil-manifattura u l-kostruzzjoni

F’Ottubru 2014 l-ammont ta’ ħaddiema full-time fil-pajjiż kien 6,093 aktar mill-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li, matul l-aħħar tnax -il xahar, l-impjiegi full-time żdiedu bi kważi 17 kuljum, jew kważi tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
 
Meta mqabbel mal-bidu ta’ Marzu 2013, kien hemm żieda ta’ 10,006 impjegat full-time. B’kuntrast, matul l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta’ 10,629. Li jfisser li f’għoxrin xahar taħt din l-amministrazzjoni, kważi nħolqu postijiet ta’ xogħol full-time daqs kemm inħolqu matul ħames snin tal-amministrazzjoni ta’ qabel.
 
Għal darba oħra, kien is-settur tas-servizzi li wera l-akbar żidiet fl-impjiegi. Jispikkaw żieda ta’ 905 impjiegi fis-settur tas-servizzi amministrattivi, żieda ta’ 709 fis-servizzi tekniċi u professjonali u żieda ta’ 593 full-timer fl-informatika u l-komunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 485 impjieg fis-settur tal-bejgħ, żieda ta’ 348 impjieg fis-servizzi finanzjarji u tkabbir ta’ kważi 590 impjieg fis-settur tal-gaming u servizzi oħra.
 
L-impjiegi żdiedu wkoll b’250 fil-manifattura u l-kostruzzjoni, żewġ setturi li matul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol.
 
Meta wieħed jikkunsidra l-effett tas-700 ħaddiem tal-Arriva, li spiċċaw mis-settur privat meta telqet il-kumpanija minn Malta u daħlu lura fis-settur privat fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, it-tkabbir fl-impjiegi full-time mas-settur privat jiġi jlaħħaq l-4,512. Dan huwa kważi elfejn persuna ogħla miż-żieda li kien hemm fl-aħħar sena ta’ Gvern preċedenti. Jiġifieri, għal kull żewġ impjiegi aktar li kien hemm taħt il-Gvern preċedenti, taħt l-amministrazzjoni preżenti kien hemm żieda ta’ tliet impjiegi mas-settur privat.
 
Fost l-aktar li gawdew minn din l-aċċelerazzjoni hemm il-ħaddiema Għawdxin. Filwaqt li fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti, kien hemm tkabbir ta’ 18 -il impjieg biss f’Għawdex, din is-sena kien hemm żieda ta’ 506, jew kważi 28 darba aktar. Mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 832 full-timer f’Għawdex,.
 
Fl-istess ħin, il-Gvern qed isaħħaħ ir-riżorsi f’oqsma importanti tas-settur pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel ma’ sena ilu, hemm 415 persuna aktar taħdem fis-settur tas-saħħa pubblika u 385 persuna aktar taħdem fl-edukazzjoni pubblika.

More in Politika