Il-prezz tad-diesel ikkontrollat minn cartel - L-Għaqda tal-Konsumaturi

Hemm sidien oħra tal-pompi tal-petrol li lesti li jraħħsu l-prezz

Hemm sidien oħra li lesti li jraħħsu l-prezz tad-diesel
Hemm sidien oħra li lesti li jraħħsu l-prezz tad-diesel

“Minkejja li l-prezz tad-diesel suppost hu liberalizzat, il-prattiċi fis-suq qed jindikaw li l-prezz tad-diesel huwa kkontrollat mhux b’riżultat ta’ kompetizzjoni fis-suq imma jinsab ikkontrollat minn cartel. Din hi sitwazzjoni inkwetanti u serja ħafna”.  Dan qalitu dalgħodu l-Għaqda tal-Konsumaturi.

L-għaqda qalet li kien pass pozittiv li sid ta' pompa tal-petrol għażel li jraħħas il-prezz tad-diesel b' 2 centezmi.  “Dan huwa pass ċar li minnu kien ser igawdi l-konsumatur.  Din l-inizjattiva hija wkoll indikazzjoni illi hemm sidien tal-pompi tal-petrol li lesti li jraħħsu l-prezz tal-fjuwel u dan għall-benefiċċju tal-konsumatur”. 

L-Għaqda tal-Konsumaturi  sostniet li l-operatur partikolari kellu jerġa’ jgħolli l-prezz minħabba pressjoni minn terzi wara diversi protesti minn sidien ta’ pompi tal-petrol oħra. 

“Jidher illi dawn huma prattiċi li qed joħonqu l-kompetizzjoni fis-suq u allura possibilment imorru kontra l-Liġi tal-Kompetizzjoni u allura kontra l-interessi tal-konsumatur għax ma’ jkunx jista’ jgawdi minn prezzijiet orħos bħala riżultat tal-kompetizzjoni fis-suq”. 

L-Għaqda tal-Konsumaturi  għalhekk ippreżentat ilment quddiem l-Awtorita’ ghallKompetizzjoni (MCCAA) biex jiġu investigati dawn il-prattiċi u fl-istess waqt talbet l-Awtorita’ sabiex tipproteġi l-inizjattiva li ha dan l-operatur sabiex ikun f'pożizzjoni li jerġa’ jraħħas il-prezz tad-diesel u dan għall-benefiċċju tal-konsumatur.  L-Għaqda talbet ukoll li dan il-każ jingħata l-attenzjoni kollha mmedjata. 

More in Politika