Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth se tkun f'Malta bejn is-27 u d-29 ta' Novembru 2015, skont stqarrija mibgħuta mill-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma.
Iċ-CHOGM jiġi organizzat kull sentejn u huwa l-ogħla entità konsultattiva fi ħdan il-Commonwealth li tiġbor rappreżentanti minn 53 pajjiż.
Iċ-CHOGM ikun qed jisma' l-perspettivi taċ-ċittadini tal-Commonwealth permezz ta' fora għaż-żgħażagħ, nisa u s-soċjetà ċivili.
It-tema ta' din is-sena se tkun 'Inżidu l-valuri globali'.
Muscat qal li s-saħħa tal-Commonweatlh qiegħda msejsa fuq id-diversità li hemm fiha. Iċ-CHOGM b'hekk huwa opportunità biex issir reviżjoni u naraw eżatt fejn qegħdin il-gvernijiet fejn jidħlu kwistjonijiet li jikkonċernaw il-popli tagħhom.
Sharma qal li l-laqgħa, li tiġbor flimkien pajjiżi li qegħdin fi stadji differenti tal-iżvilupp, hija bidla li tippjana soluzzjonijiet prattiċi għal sfidi gloabli, imsejsa fuq valuri u prinċipji komuni.