Sajf ta’ xogħol għall-gvern

“Il-baġit għall-2015 se jikkonsolida r-riżultati ekonomiċi li ksibna fl-ewwel sena u nofs” – Joseph Muscat

"Għalkemm għamilna ħafna xogħol u rnexxielna ndawru r-rotta ta’ dan il-pajjiż, għad baqalna ħafna x’nagħmlu"

Ir-ritmu tax-xogħol fil-vaganzi tas-sajf ma jiqafx. L-ekonomija tibqa’ għaddejja u x-xogħol jiżdied għal setturi sħaħ tas-soċjetà tagħna. Fl-istess ħin bħala Gvern inkunu qed naħdmu wkoll fuq il-baġit għall-2015. Dan se jkun baġit li jikkonsolida r-riżultati ekonomiċi pożittivi li ksibna fl-ewwel sena u nofs ta’ din l-amministrazzjoni.

Kif argumentajt dejjem, dan il-Gvern mhuwiex perfett u kull jum li jgħaddi huwa opportunità biex intejbu l-operat tagħna. Madankollu din l-attitudni li dejjem irridu ntejbu fuq il-jum ta’ qabel tgħinna nsaħħu l-ħidma tagħna u l-kordinament. Il-fiduċja għadna nirrikambjawha b’ħidma li ma tiqafx. U din se tkun it-timbru ta’ din il-leġislatura. Enerġija u pożittività li qed isaħħu l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

Id-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni Ewropea u minn Aġenziji Internazzjonali ta’ Kreditu jimlew lili u lill-gvern tiegħi b’kuraġġ u nħares ’il quddiem lejn futur ekonomiku sabiħ.

In-numri li nikkwotaw fl-istatistika, meta ngħidu kemm żdied ix-xogħol, huma nies u familji li qed jaħdmu u jistinkaw. Fuq kollox b’xogħolhom jikkontribwixxu biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber.

F’Malta tinħass arja ta’ ottimiżmu ekonomiku kemm fost in-nies tax-xogħol u anke fost l-ażjendi. F’dawn ix-xhur tas-sajf kellna l-anqas rata ta’ qgħad qatt irreġistrata mindu l-Eurostat bdew jiġbru din l-informazzjoni għal Malta f’Jannar tal-2000.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 5.6% biss. Dan jikkuntrasta sewwa mar-rata ta’ 6.3% li pajjiżna kellu fl-aħħar xahar tal-amministrazzjoni preċedenti, kif ukoll mar-rata medja ta’ 6.9% li Malta kellha mill-bidu tal-2000 sa Marzu 2013. 

Minn Marzu tal-2013 in-numru ta’ nies ifittxu xogħol naqas bi kważi elfejn ruħ, jew 17%. Din hija indikazzjoni li l-bidliet u d-deċiżjonijiet li ħadna fix-xhur li għaddew qed igawdu minnhom in-nies.

F’dan is-sajf Malta kellha t-tielet l-anqas rata tal-qgħad fl-Ewropa, wara l-Ġermanja u l-Awstrija. Meta wieħed iħares lejn dawn in-numri ma jistax ma jinnotax dak li tgħid l-Oppożizzjoni, li minkejja kollox, baqgħet dejjem negattiva fil-ħsieb u fl-azzjonijiet tagħha.

In-numri fuq ix-xogħol u d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel ta’ pajjiżna, iġġib fix-xejn it-tbassir riċenti li għamel Simon Busuttil meta qal li pajjiżna qed jiffaċċja kriżi fil-qasam tax-xogħol u li l-qgħad se jiżdied għal livelli rekord.

Minflok il-figuri uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qed juru li pajjiżna llum għandu l-anqas rata ta’ qgħad mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Dan hu konferma tal-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna jkun fost l-aqwa fl-Ewropa. 

In-negattiviżmu ta’ Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista jikkuntrasta bil-qawwa mal-ottimiżmu li qed juru l-familji Maltin fuq il-futur tagħhom. Stat ta’ fatt li kien rikonoxxut fi stħarriġ xjentifiku li għamlet l-Unjoni Ewropea fost il-Maltin dwar il-kunfidenza fl-ekonomija tagħna.

Il-kunfidenza tan-nies qed tikber wara snin twal ta’ instabbiltà. Huwa ta’ sodisfazzjon għal dan il-Gvern li kien irreġistrat titjib fost operaturi fis-settur tas-servizzi, fis-settur tal-imnut, u fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin b’mod ġenerali.

Huwa importanti li l-azjendi fl-oqsma tas-servizzi u tal-imnut huma l-aktar kunfidenti fuq l-andament ekonomiku għaliex illum huma parti importanti fil-magna ekonomika Maltija.

Fil-fatt aktar minn kwart minnhom qed ibassru li minkejja ż-żidiet qawwija li kellhom fl-aħħar xhur, se jirnexxielhom ikomplu jżidu l-bejgħ. Dan se jwassal biex ikun hemm aċċellerazzjoni akbar fiż-żieda fl-impjiegi ma’ dawn l-azjendi.

Ninnota wkoll b’sodisfazzjon li l-qagħda finanzjarja tal-familji Maltin tjiebet matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. It-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u ilma – minkejja x-xettiċiżmu tal-Kap tal-Oppożizzjoni – ħalla effett pożittiv u llum qajla għadna nitkellmu dwarhom.

Deċiżjonijiet bħal dawn u t-tneħħija ta’ spejjeż żejda huma fatturi ewlenin biex ir-rata tal-għoli tal-ħajja ma tibqax tiżdied bir-rata li biha kienet qed tiżdied.

Il-familji tagħna llum qed jirnexxilhom ifaddlu aktar u jaħsbu għall-quddiem u jħarsu lejn futur b’fiduċja. Dan jimlini bil-kuraġġ biex meta fiż-żmien li ġej ikun ippreżentat it-tieni baġit ta’ dan il-gvern, nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jagħmlu sens għan-nies u li filwaqt li niggarantixxu dħul xieraq biex insostnu l-ispiża pubblika, li rridu nnaqqsu, niggarantixxu wkoll li dħul xieraq għall-familji Maltin li magħna għandhom rashom mistrieħa.

Għalkemm għamilna ħafna xogħol u rnexxielna ndawru r-rotta ta’ dan il-pajjiż, għad baqalna ħafna x’nagħmlu u s-snin li ġejjin se jkunu importanti ħalli niggarantixxu ħajja aħjar għal familji tal-lum u ta’ għada.

More in Politika