Minkejja li fl-istituzzjonijiet Ewropej dejjem kien hemm servizz ta’ interpreti għall-Malti, persuni tkellmu mal-ILLUM qalu li riċentament f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew, Joseph Muscat ma użax il-Malti fl-intervent tiegħu. Dan wara li fi żmien l-elezzjoni tal-2013 kien inxtered vidjo ta’ Muscat li kien infexx jgħajjat f’nofs plenarja wara li ma kienx hemm servizz ta’ interpreti matul din il-laqgħa. Il-vidjo kien intitolat ‘Joseph Muscat standing up for the Maltese language.’ Dakinhar kien anke waqaf mid-diskors tiegħu u ma kompliehx. Jidher iżda li waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew minkejja l-preżenza tal-interpreti, Muscat evita li juża l-Malti u minflok tkellem bl-Ingliż.
Il-ġurnal ILLUM staqsa lil Kurt Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru rigward dan. Farrugia qal li “l-Prim Ministru juża numru ta’ lingwi, inkluż Malti, Ingliż, Franċiż u Taljan u jiddependi mid-diskussjoni u natura tagħha waqt il-Kunsill Ewropew.”
Skont il-politika tal-UE kulħadd għandu dritt jitkellem bil-lingwa tiegħu u s-servizz tal-interpreti għandu jiġi offrut la darba l-kelliema jagħmlu rikjest għalih. Fil-każ tal-Kunsill Ewropew is-servizz tal-interpreti qatt ma jkun imwarrab, anzi hu ta’ prijorità li jkun hemm interpreti tal-24 lingwa uffiċjali fl-UE.
Din it-tendenza li jitkellmu bl-Ingliż qed tiżdied ukoll qalb id-delegati Maltin u anke xi Membri Ewro Parlamentari Maltin li qed jagħżlu li jitkellmu bl-Ingliż minflok bil-Malti.
Sorsi qalu lil ILLUM li anke l-awtur tal-Malti u politiku Alfred Sant intervjena bl-Ingliż, waqt li qalulna wkoll li Roberta Metsola hija l-unika waħda li dejjem qed tuża l-Malti.
Apparti minn hekk interpreti li tkellmu mal-ġurnal jinsabu ferm imbeżża’ bis-sitwazzjoni preżenti hekk kif qed jibżgħu li jiġu fi stat fejn l-interpreti Maltin ma jibqax ikun hemm bżonnhom u jispiċċaw lampa stampa.