
Interventi mediċi barra l-pajjiż
Il-Malti għandu dritt jagħżel l-isptar u l-kirurgu

More in Politika
Il-Malti għandu dritt jagħżel l-isptar u l-kirurgu
Il-Ministru għas-Saħħa, Konrad Mizzi meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech, ħabbar li kull pazjent Malti li għandu bżonn kura li ma tistax tingħata f’Malta għandu dritt li jagħżel l-isptar fejn isirlu l-intervent ġaladarba l-isptar ikun wieħed pubbliku u f’pajjiż fejn il-gvern għandu ftehim. L-isptar irid ikollu reputazzjoni tajba u anke jkollu kapaċità li joffri s-servizz rikjest.
Il-pazjent Malti għandu dritt ukoll li jagħżel il-kirurgu jew l-ispeċjalista li jagħmillu l-intervent. Dawn l-interventi li jsiru barra l-pajjiż jiġu mħallsa mill-istess gvern Malti. Meta kien mistoqsi kemm interventi saru barra l-pajjiż u kemm swew, il-Ministru Mizzi wieġeb li biex jagħti tweġiba speċifika ried dati speċifiċi tat-tagħrif mitlub.
Il-ġurnal ILLUM tkellem mad-deputat Nazzjonalista, Claudio Grech dwar fejn eżatt irid jasal b’dawn il-mistoqsijiet. Dan weġibna li f’Ottubru tas-sena li għaddiet kien hemm direttiva transkonfinali mill-UE li anke pazjent li jkun ilu jistenna biex isirlu intervent f’pajjiżu (eż. bħal kataretti, knee replacements eċċ) għandu dritt jagħżel li jmur jagħmilha pajjiż ieħor u jħallas il-gvern Malti.
Claudio Grech qalilna li l-PN kienu daħlu mozzjoni fil-parlament li għadha ma bdietx tiġi diskussa fejn talbu li dak il-pazjent li jkollu dak id-dritt jista’ jagħżel li jagħmilha fi sptar privat Malta u l-gvern iħallas lil privat Malti flok iħallas l-isptar barrani.
Claudio Grech ilmenta li l-gvern qed ikaxkar saqajh f’din il-kwistjoni fejn lanqas daħħal l-acceptable time frame fil-liġi u għalhekk m’hemmx żmien speċifiku ta’ kemm hu d-dewmien aċċettat, qabel pazjent jingħata l-awtorizzazzjoni biex imur jagħmel l-intervent barra.
Claudio Grech ilmenta wkoll li f’Malta hawn żewġ sistemi fis-saħħa, sistema għal dak li jkun jaf lil xi ħadd u sistema għal dak li ma jaf il-ħadd li jitħalla jistenna bl-uġigħ inkella anke b’riskju għall-istess ħajtu.
“Id-drittijiet tal-pazjenti m’għandniex nilagħbu magħhom. M’għandiex issir differenza bejn min hu sinjur u min le. Il-fatt hu li ma rajniex bidliet kbar fil-qasam tas-saħħa ħlief li nbidlu l-Ministri” temm Claudio Grech.