Busuttil qal li qed ikollu jagħmel dan l-appell għaliex fl-aħħar jiem il-Gvern mexa b’aġir li jmur kontra l-prinċipji tad-demokrazija u libertà ta’ pajjiżna.
Hu semma’ kif f’temp ta’ ġimgħa kellna gideb, ħabi ta’ kuntratti pubbliċi, intolleranza għall-kritika u tgħajjir li mhux xieraq f’pajjiż ċivili.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu normali li l-Gvern u l-Oppożizzjoni ma jaqblux fuq xi ħatriet li jsiru madankollu l-każ tal-mara tal-Ministru Mizzi hu każ differenti propju għaliex hi l-mara tal-Ministru. Insista li mhux normali li jkun hemm ħabi tal-kuntratt tagħha mill-Gvern meta din qed titħallas propju mill-fondi tal-pajjiż u mit-taxxi tal-poplu.
Busuttil fakkar ukoll kif il-Prim Ministru gideb meta qal li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi taqla’ biss €3,700 fix-xahar. Hu semma kif il-kuntratt impoġġi fuq il-mejda tal-kamra juri li l-mara tal-Ministru titħallas €73,000 fis-sena.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif Presidenti ta’ pajjiżi oħra, fosthom dak Amerikan Richard Nixon, kien tefa’ r-riżenja tiegħu minħabba f’gidba filwaqt li f’pajjiżna dan il-gvern mhux qed jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
Busuttil tkellem ukoll dwar l-intolleranza tal-Gvern għall-kritika u l-fatt li jekk tikkritikah jgħidlek li int negattiv. Saħaq fuq il-fatt li, li tikkritika dak li hu ħażin mhix xi ħaġa ħażina, anzi hi xi ħaġa tajba u meħtieġa f’kull demokrazija.
Tkellem ukoll dwar in-nuqqas tat-trasparenza fil-privatizzazzjoni tal-Enemalta u kif in-negozjati u l-iffirmar tal-kuntratti nżammu moħbija u kif il-Gvern qed jibqa’ jinsisti fuq ħabi ta’ diversi kuntratti.
Fir-rigward tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li din hi liġi li tolqot il-funzjonament tad-demokrazija għax il-partiti huma għodda essenzjali f’demokrazija. Fakkar li l-Oppożizzjoni qablet ma’ din il-liġi u marret pass oltre meta appellat biex tiġi diskussa wkoll il-kwistjoni tal-finanzjament tal-Gvern lill-partiti.
Semma li l-gvern issa bidel l-opinjoni tiegħu u m’għadux jaqbel li ssir din id-diskussjoni. Qal li filwaqt li l-partit Laburista se jgawdi proprjetà pubblika li ta lilu nnifsu, il-partiti l-oħra kollha se jagħmillhom limiti fuq x’jistgħu jdaħħlu.
Busuttil tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala mħallef fejn filwaqt li ppreċiża li l-kummenti tiegħu ma kinux indirizzati għal Wenzu Mintoff bħala persuna, ħadd qabel ma kien inħatar mill-miskja politika partiġġjana u mill-mezzi tax-xandir u l-istampa ta’ partit politiku dritt għall-bank tal-ġudikatura.
Punt ieħor li qajjem il-Kap tal-Oppożizzjoni hu li l-Gvern se jneħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sa ħames snin oħra hekk kif l-Oppożizzjoni ngħatat avviż li se tinbidel il-liġi tal-Kunsilli Lokali bla ebda dettalji jew informazzjoni. Semma kif minkejja li l-Gvern ftaħar li ta d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, dawn se jkollhom jistennew sa 21 sena biex jivvutaw.
Busuttil temm l-appell tiegħu billi appella lill-Gvern biex jirrispetta dak li hu bażiku f’demokrazija moderna u appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex janalizza dak li qed jiġri madwaru.