Il-ħolma li sservi fil-Parlament Ewropew

Miriam Dalli dwar il-kandidatura tagħha għall-Parlament Ewropew u l-passat tagħha fil-Partit Laburista

Kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn rajt il-partit jitlef, imma bqajt hemm - Miriam Dalli
Kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn rajt il-partit jitlef, imma bqajt hemm - Miriam Dalli

Magħrufa bħala ġurnalista u preżentattriċi fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista, Miriam Dalli daqt se tinża din il-libsa biex tittanta xortiha għal siġġu fil-Parlament Ewropew. 

Mhix se tkun l-ewwel waħda li tidħol fil-politika minn dan il-bieb. Politiċi bħal Joseph Muscat, Louis Grech u Simon Busuttil ukoll bdew minn Brussell u issa spiċċaw imexxu l-partiti tagħhom hawn Malta. 

“Qed tgħidli li se nispiċċa mmexxi lil Malta?” tgħidli b’daħqa kif insaqsiha jekk hux qed taspira li tagħmel l-istess vjaġġ mill-Parlament Ewropew għal dak Malti.

“Jien nippreferi nieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata, pass pass, u hekk dejjem nasal. Iżda sinċerament mhux qed nara din l-isfida bħala stepping-stone. Irrid nara kif immur, jekk niġix eletta, u li jekk ningħata l-fiduċja nassigura li nagħmel suċċess mil-leġislatura sħiħa ta’ ħames snin,” tgħidli Dalli.

Minkejja li din hi l-ewwel darba fejn Dalli se tkun qed tikkontesta elezzjoni minflok tirrapporta dwarha, hi ilha attiva fil-politika mill-età ta’ sittax-il sena bħala membru tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Kien iż-żmien tal-pluraliżmu fix-xandir u bil-ftuħ tal-istazzjonijiet tal-partit, sabet ruħha taħdem bħala ġurnalista u tistudja għal grad fis-suġġett fl-istess ħin.

Kien f’dak il-perjodu li għamlet żmien taħdem ma’ Joseph Muscat bħala kollegi fil-kamra tal-aħbarijiet. L-istess Muscat li fit-tentattiv tiegħu li jsir Prim Ministru u jrebbaħ lil Partit Laburista wara sensiela ta’ telfiet, talab lil Miriam Dalli biex tagħti daqqa t’id fil-qasam tal-komunikazzjoni fil-Partit. Mhux biss tippreżenta l-programm 9:03 kuljum matul ix-xahrejn tal-kampanja elettorali, iżda tgħin ukoll fit-twassil tal-messaġġ politiku.

Mhux ta’ b’xejn li fit-tnedija tal-kampanja elettorali tagħha, il-Prim Ministru għażel li jsemmi s-sehem ta’ Miriam Dalli fil-Partit Laburista fi żmien fejn rebħa elettorali ma setgħet tiġi b’xejn.

“Dalli suldat b’saħħtu ħafna. F’sensiela ta’ telfiet li ġarrab il-PL hi dejjem kienet last man standing meta ħaddieħor ikun denbu taħt il-blata. Tibqa’ fuq quddiem anke waqt li tkun qed titlef,” kien qal Joseph Muscat.

Bi tbissima li tesprimi s-sodisfazzjon ta’ kif iddeskriviha l-mexxej tagħha, tgħidli li baqgħet taħdem fil-PL irrelevanti jekk kienx sejjer lejn rebħa jew telfa.

“Wara li tkun ħdimt elezzjoni sħiħa ma’ partit, ikollok indikazzjoni ta’ fejn ikun se jxaqleb ir-riżultat. Kienu ħafna l-okkażjonijiet li rajtu jitlef imma bqajt hemm. F’dawn is-sitwazzjonijiet xejn sbieħ qatt ma qbadt u tlaqt, għax la kelli impenn inkun irrid nonorah sal-aħħar. U dan jgħodd ukoll għal affarijiet oħra, fosthom din l-elezzjoni għal MEP. Nidħol għall-isfidi sal-aħħar,” issostni Dalli.

Iżda x’kien il-kaġun ta’ dan iċ-ċiklu ta’ telfiet li beda mat-tmiem ta’ gvern Laburista wara 22 xahar? 

Filwaqt li taqbel li kien fost l-ikreh żmien għall-Partit Laburista, tirrispondi li bilfors li l-partit ma kienx qed jagħraf il-ħtiġijiet tan-nies, u li konsegwentament ma setax joħroġ b’politika li tgħinhom jimxu ’l quddiem. 

Dak li kien il-mexxej Laburista waqt dan iż-żmien diffiċli, issa qed jikkontesta magħha għall-Parlament Ewropew. X’relazzjoni għandha ma’ Alfred Sant?

“Relazzjoni tajba imma dejjem differenti. Qabel hu kien il-kap tal-partit u jien il-kap tal-kamra tal-aħbarijiet. Issa t-tnejn kollegi fl-istess tim, iżda f’għajnejja narah bħala eks-Prim Ministru u nħares lejh b’rispett b’dan il-mod.”

Fl-2001, fl-isfond tad-dibattitu nazzjonali fuq il-futur ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea, Miriam Dalli ddeċidiet li tistudja l-Istudji Ewropej fuq bażi ta’ masters, u tgħidli li dan kien il-bidu ta’ ħolma tagħha.

“Minn hemm kienet ġiet l-idea li naħdem għal xi żmien mal-istituzzjonijiet Ewropej. Mhux qed ngħid li kont ġa naspira li nikkontesta biex inkun MEP, iżda minn dejjem kelli din il-ħolma li nservi fi Brussell,” tirrispondi Dalli li għadha kif gradwat ukoll bħala avukat.

Allura x’kien il-ħsieb tagħha fi żmien ir-referendum? Riedet sħubija mal-Ewropa jew Partnership?

“Bħala studenta ma ridtx li nisma’ biss x’kellhom jgħidu l-partiti imma ridt naħseb akkademikament ukoll. Għaraft il-vantaġġi ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, u ma ridtx li Malta ma tidħolx. Iżda kont tal-opinjoni li f’dak iż-żmien partikolari, Malta ma konniex preparati biżżejjed għal sħubija sħiħa.”

Il-kampanja elettorali tal-preżentattriċi hi bbażata fuq l-għajta ta’ ‘Prijorità Malta’. Tgħid li dan ifisser li meta tkun fil-fora Ewropej MEP għandu jġib l-interess ta’ pajjiżu l-ewwel u qabel kollox. 

Tgħid li dan ma kienx l-atteġġjament tal-MEPs Nazzjonalisti fid-dibattitu taċ-ċittadinanza, iżda ma tasalx li tiddeskrivihom bħala ‘tradituri’ kif għamlu xi partitarji Laburisti fuq siti soċjali bħal Facebook.

“Ma qbiltx magħhom anke jekk fl-opinjoni tagħhom għandhom raġuni ġenwina biex jagħmlu dan… kulħadd għandu dritt jikkritika iżda hemm mod u mod. Iddispjaċieni li d-dibattitu kien individwalizza lil Malta għax dan mhux ġust. Simon Busuttil stess fil-kwistjoni tal-kostituzzjoni tal-Ungerija, kien qal li l-Parlament Ewropew mhux qiegħed hemm biex jiddiskuti pajjiż partikolari.”

Hi ssuktat tgħid li ma tifhimx l-argument tal-Partit Nazzjonalista li l-gvern, bl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment, affettwa negattivament ir-reputazzjoni ta’ Malta. 

“Dan għax fuq kollox kienu huma li għamlu kruċjata sħiħa u użaw il-mezzi tax-xandir barranin. Nemmen li l-maġġoranza tal-Maltin ma ħadux gost b’dan l-atteġġjament li fiha Malta spiċċat taħt ‘is-swat’ tal-Membri Parlamentari Ewropej. 

Ftit xhur ilu, Miriam saret omm għall-ewwel darba b’Jack wara ż-żwieġ tagħha ma’ John. Wara li f’intervista li saret jiem ilu nftehmet ħażin li se tħalli kollox u tmur tgħix Brussell, Miriam tgħidli li jekk tkun eletta, hi u żewġha ddeċiedu li meta hi tkun Brussell huma jmorru magħha, u meta tinżel Malta, hu u t-tifel jinżlu magħha. 

“Żgur mhux se nħallihom warajja, mingħajr it-tifel u r-raġel ma noqgħodx. Nisa bħali se jifhmuni meta tgħid li mara tista’ tidħol għal impenn mingħajr ma tabbanduna l-familja. Kapaċi nsib bilanċ bejn xogħol u familja, bil-ġurnaliżmu drajt naħdem taħt stress ukoll.” Fuq l-aħħar biċċa ma stajtx ma naqbilx.

Hi tissokta tgħid li l-istrutturi preżenti ma jgħinux biex in-nisa jagħtu sehemhom fil-politika lokali. “Biżżejjed tħares lejn xħin jiltaqa’ l-Parlament,” tissokta tgħid Dalli. 

Qatt ma kelli ċans naspira taħt gvern Nazzjonalista. Minkejja l-kwalifiki li kelli, mill-PBS ġejt irrifjutata Miriam Dalli

Il-kandidata Laburista targumenta li hemm bżonn ta’ bidla fil-mentalità fejn il-familja ma tfissirx biss l-omm iżda anke l-missier.

“Jien ma rridx nara sitwazzjoni fejn in-nisa għandhom post sempliċiment għax huma nisa. Imma ċerta li hemm ħafna aktar nisa kapaċi u b’talenti li għandhom bżonn aktar viżibilità fil-politika, mingħajr m’għandek tiddiskrimina bejn raġel u mara.”

Meta mistoqsija jekk l-apparenza tistax titqies bħala fattur favuriha, hi rrispondiet fin-negattiv.

Fil-preżent, Miriam Dalli sservi ta’ konsulent fil-Ministeru għall-Enerġija, kariga li qajmet kontroversja mill-Oppożizzjoni. Dalli tiddefendi ruħha tgħid li għandha l-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa, kif kellha fil-passat.

“Fil-passat jien qatt ma kelli ċans naspira taħt gvern Nazzjonalista. Għal xi kariga qatt ma kont niġi kkunsidrata minkejja li kelli biżżejjed kwalifiki. Naħseb bl-esperjenza li ksibt matul iż-żmien kelli nieħu spazju fuq il-PBS, iżda minkejja dan ġejt irrifjutata.”

Hi żżid tgħid li proprju għal dan il-għan tiddejjaq li gvern ikun tal-Laburisti jew tan-Nazzjonalisti biss, imma ma setgħetx tifhem il-kritika li saret għax f’diversi bordijiet hemm anke nies li servew taħt amministrazzjonijiet preċedenti. 

Il-perċezzjoni ta’ xi wħud hi li l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qegħdin hemm biex jieħdu salarju attraenti, b’Miriam Dalli ovvjament ma taqbilx.

“Jiddispjaċini meta nisma’ hekk u mhux se nidħol fil-mertu ta’ x’wassal għal din il-perċezzjoni. Nemmen li MEP għandu rwol vitali li jikkonsulta u jwassal il-messaġġ tiegħu ta’ kif il-Maltin jistgħu jkunu affettwati mill-Parlament Ewropew. Ibbażat jew le fi Brussell, Membru Ewro-Parlamentari għandu jibqa’ infurmat b’dak li għaddej f’pajjiżu. Li ssegwi mill-gazzetti mhux biżżejjed, trid tkun taf x’qed iħossu n-nies biex titkellem f’isimhom,” tispjega mingħajr tlaqliq.

Dalli tgħid li hu minnu li l-MEPs Maltin huma f’minoranza assoluta, iżda qalet li temmen ħafna fil-politika “tal-kurituri”, ta’ pressjoni fuq membri ta’ pajjiżi oħra f’temi li jikkonċernaw lil Malta.

B’mod partikolari, speċifikat is-setturi tal-enerġija, l-immigrazzjoni irregolari, żgħażagħ u opportunitajiet ta’ impjieg bħala prijorità għall-ħidma tagħha jekk tkun eletta fi Brussell. 

B’diversi snin ta’ esperjenza fil-ġurnaliżmu, Miriam Dalli hi fost l-aktar uċuħ popolari fit-televiżjoni lokali. Iżda mhux fit-tul. Dan għaliex fi ftit jiem, b’direttiva tal-Partit Laburista, se tieqaf tippreżenta l-programm tagħha TX fuq l-istazzjon Laburista. Id-direttiva, li tidħol madwar tliet xhur qabel l-elezzjoni ta’ Mejju, tgħid li kandidati m’għandhomx jippreżentaw programmi biex ma jkollhomx vantaġġ fuq kandidati oħra.

“Vera jtik aktar promozzjoni, però l-programm ma jagħtikx il-kuntatt personali man-nies, li hu meħtieġ biex ikun viċin l-elettorat,” ittemm tgħid il-kandidata Laburista. 

 

Età: 37
Professjoni: Konsulent fil-Ministeru tal-Enerġija
L-ewwel darba li vvutat: Elezzjoni Ġenerali 1996
Tip ta’ mużika favorita: Ambient music
L-aħħar safra: Livigno
Persunaġġ Malti li tammira: Mikiel Anton Vassalli

More in Politika